Internazzjonali

L-Ukreni jinsabu diżappuntati u mħassbin wara ‘ir-rijabilitazzjoni’ ta’ Vladimir Putin fuq livell internazzjonali

U.S. President Donald Trump and Russian President Vladimir Putin look at each other during a press conference following their meeting to negotiate an end to the war in Ukraine, at Joint Base Elmendorf-Richardson, in Anchorage, Alaska, U.S., August 15, 2025. REUTERS/Kevin Lamarque TPX IMAGES OF THE DAY

L-Ukreni kollha li kienu qed jittamaw għal żblokk fl-inizjattivi għall-paċi f’pajjiżhom żgur qed iħossuhom diżappuntati dwar l-eżistu tas-summit ‘suppost storiku’ fl-Alaska bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin.

F’din il-laqgħa ta’ tlett sigħat, Putin fl-ebda ħin ma kkommetta ruħu għall-konċessjonijiet li setgħu jqarrbu t-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna li daħlet fir-raba’ sena…Dan ukoll meta l-Kremlin u l-media Russa, fil-preżent, qed jiċċelebraw ‘it-trijonf kbir tal-Mexxej tagħhom’….Suċċess li kien iggarantit mill-impenn ta’ Trump għal din il-laqgħa u minkejja li Putin ilu iżolat mill-pajjiżi l-oħra tal-Punent sa minn meta l-ewwel truppi u tankijiet tal-gwerra kienu qasmu l-fruntieri lejn l-Ukrajna fi Frar tal-2022.

In-nuqqas ta’ żviluppi notevoli wara ‘buildup’ daqstant intensiv għas-summit ta’ Alaska kien anki sorprendenti – bl-Ukreni bir-raġun qed iħarsu ‘il quddiem b’sens ta’ allarm wara li Trump ippermetta li l-inizjattiva (waqt is-summit) tgħaddi għal idejn Putin – il-Mexxej responsabbli mill-konflitt devastanti fl-artijiet tagħhom.

Fil-fatt, Putin ingħata l-aqwa merħba possibbli fl-Alaska, fejn is-suldati Amerikani litteralment firxulu t-tapit l-aħmar u bil-President Trump javviċinah bi tbissima kbira qabel ħadlu b’idejh daqslikieku ‘l-akbar ħabib’.

Intant, l-Ukreni żgur li ħadu nota tat-tbissim kontinwu bejn Trump u Putin u l-mod kordjali kif il-President Amerikan laqa’ lill-Mexxej Russu li ma jistax jifres l-art f’talanqas 120 pajjiż ( inklużi l-Istati tal-Unjoni Ewropea) wara li l-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġitlu mandat ta’ arrest għal allegati reati tal-gwerra.

U din il-laqgħa fl-Alaska qed titqies bħala l-bidu tar-ritorn ‘fiżiku u drammatiku’ ta’ Putin fl-arena diplomatika internazzjonali… Xena li l-osservaturi Ukreni fissruha bħala ‘il-leġittimizzazzjoni tal-akbar tip ta’ kriminal tal-gwerra’, fost il-kummenti li ‘Donald Trump wera livell eżaġerat ta’ rispett lil Putin’.

Il-livell ta’ rispett straordinarju lil Putin kien evidenti anki wara n-negozjati dwar l-Ukrajna (li damu għal ftit sigħat) bejn Trump u Putin….U wara s-summit tas-Sibt ( li sar f’zona fil-limiti ta’ Anchorage), il-President Amerikan ħa pass lura biex jippermetti lill-Mexxej Russu jwassal l-ewwel kummenti lill-ġurnalisti waqt l-istqarrija konġunta lill-media.

Putin, sadanittant, tkellem għal madwar għaxar minuti u fejn kien attent biex ma jirreferix għall-iżviluppi li wasslu għall-gwerra fl-Ukrajna…Gwerra li bla dubju rriżultat minn kampanja ta’ aggressjoni min-naħa tal-Kremlin li bagħat it-truppi tiegħu lejn l-artijiet tal-ġar mingħajr l-ebda provokazzjoni.

Fl-aħħar tas-summit, Putin deher ferħan u enerġetiku waqt li Donald Trump, għall-kuntrarju, deher xi ftit ħosbien u preokkupat, wara li kien tkellem biss għal żewġ minuti.

Qabel is-summit, Trump kien insista li ‘ma kellu jaċċetta xejn ħlief dikjarazzjoni (minn Putin) ta’ strateġija intiża biex twassal għat-tmiem tal-gwerra (fl-Ukrajna)’ — iżda wara n-negozjati twal hu deher mitluf, maħsud u nieqes mir-risposti….Sitwazzjoni li, fil-jiem li ġejjin, mistennija tqanqal aktar kritika għall-President Amerikan.

Numru ta’ analisti dwar il-politika internazzjonali, sadanittant, qablu li s-summit żvolġa ‘f’rebħa għal Putin sa minn qabel l-ajruplan kien wasslu l-Alaska’… Dan ukoll meta l-laqgħa kbira li tah Trump qed tkun interpretata bħala ‘forma ta’ rijabilitazzjoni għal Putin bħala Kap ta’ Stat’….Sitwazzjoni li ħalliet lil ħafna nies perplessi minħabba li Putin, suppost, qed jiffaċċja l-ostakoli kbar biex jivvjaġġa barra pajjiżu minħabba l-istatus ta’ kriminal tal-gwerra mfittex mill-Qorti Internazzjonali ta’ The Hague.

Madankollu, mhux mistenni li l-Mexxejja tal-Ewropa, ‘il quddiem, jifirxu t-tapit l-aħmar għal Vladimir Putin fi żmien meta huma wkoll qed jaħdmu fuq l-istrateġiji biex jilqgħu għal kwalunkwe aggressjoni potenzjali min-naħa tal-Kremlin….Intant, lanqas mhuma mistennija li jaċċettaw id-domandi ‘intransiġenti’ ta’ Putin għall-Ukrajna – fosthom li l-Ukreni ma jkunu qatt kunsidrati għal sħubija fl-UE u l-Alleanza tan-NATO.

Min-naħa tiegħu, il-Presidxent Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jenfasizza l-ħtieġa li l-Mexxejja Ewropej ikunu preżenti għal kwalunkwe stadju tan-negozjati futuri bejn l-Istati Uniti u r-Russja…Dan għaliex il-preżenza tal-Mexxejja Ewropej, fiha nnfisha, tista’ tevita sitwazzjonijiet fejn Trump jispiċċa ‘totalment taħt l-influwenza ta’ Vladimir Putin’.