Opinjoni

OPINJONI: Minn din l-elezzjoni l-uniku rebbieħ irid ikun il-PN

Il-proċess għall-elezzjoni ta’ ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista issa tidħol f’fażi ġdida wara li ntemm ix-xogħol tal-Kummissjoni Kandidati

minn Charles Bonello
Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista

Fil-jiem li għaddew ingħalaq il-proċess ta’ due diligence mill-Kummissjoni Kandidati li approvat liż-żewġ kandidati prospettivi u sussegwentement ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kummissjoni Elettorali. Naturalment jien nawgura liż-żewġ kandidati prosettivi – lil Adrian Delia u lil Alex Borg – għal din il-kampanja li se jkunu qed jagħmlu.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Kandidati issa hu pubbliku u fih wieħed jista’ jara x’wassal, xi nstab u dak kollu li għamlet din il-Kummissjoni biex finalment wasslet għall-approvazzjoni taż-żewġ kandidati prospettivi.
Dan kollu juri kemm-il Partit Nazzjonalista jagħmel l-affarijiet bis-serjetà; bis-serjetà sal-punt li anki dan ir-rapport tal-Kummissjoni Kandidati hu pubbliku. Irrid hawnhekk nirringrazzja lill-membri kollha tal-Kummissjoni Kandidati għax-xogħol kollu li għamlu. Nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw l-għajnuna tagħhom biex dan ir-rapport seta’ jsir u jkun konkluż.
Issa dan ir-rapport hu f’idejn il-Kummissjoni Elettorali… anki wara li l-Partit Nazzjonalista ħalla kompletament f’idejn il-Kummissjoni Kandidati biex tagħmel ix-xogħol kollu meħtieġ mingħajr ebda nitfa ndħil. Jekk tgħidli x’kien qiegħed jiġri ngħidlek li ma nafx u assigurajt biss li kollox isir b’mod trasparenti biex id-due diligence issir bl-aktar mod serju possibbli.
Ridna nħallu l-istituzzjonijiet interni jaħdmu u allura anki meta kien hemm min – bl-aktar mod ġenwin – jistaqsi kemm se ndumu, ir-risposta kienet li hemm proċess li kellu jkun rispettat u onorat. Proċess li kien parti minn proċess ħolistiku fejn issa għaddejna għal fażi oħra fejn nhar il-Ħamis li għadda nfetaħ il-proċess biex jintefgħu n-nominazzjonijiet uffiċjali biex huma – Adrian Delia u Alex Borg – minn kandidati prospettivi, isiru kandidati uffiċjali.

Kampanja elettorali
Wara li nhar il-Ħadd li għadda il-gazzetta Il-Mument żvelat li l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista se ssir fil-bidu ta’ Settembru li ġej – allura s-Sibt 6 ta’ Settembru, issa mit-Tlieta li ġej se tkun qed tiftaħ il-kampanja uffiċjali għal din l-elezzjoni.
F’dan ir-rigward terġa’ tidħol fiċ-ċentru l-Kummissjoni Elettorali li allura tkompli bil-proċess tal-loġistika u l-preparamenti kollha li hemm bżonn biex inkomplu għaddejjin b’din il-ħidma.
Bħala Segretarju Ġenerali rrid nara kampanja ta’ serjetà kbira. Sa issa – u hawnhekk irrid nirringrazzja anki liż-żewġ kandidati, lill-midja tal-Partit Nazzjonalista, lill-ħaddiema tal-Partit… – irrid ngħid b’wiċċi minn quddiem li kellna kampanja b’ħidma b’risq l-elezzjoni tal-ħatra ta’ Kap ġdid li tagħmel unur lill-Partit Nazzjonalista.
Hekk irrid inkompli nara tul dawn il-ġimgħat li ġejjin fejn għandu jkollna kampanja ta’ spjegazzjonijiet; fejn il-kandidati għandhom jagħtu l-viżjoni tagħhom u xi jridu jaraw fil-futur għal pajjiżna… imma dan kollu jrid isir bl-aktar mod dekoruż u dinjituż. Kemm mill-kandidati, kemm minn dawk kollha involuti, kemm mill-Uffiċjali u l-impjegati tal-Partit u anki minn dawk kollha involuti fil-Partit.
Nesiġi d-dixxiplina biex nassiguraw li f’din il-kampanja elettorali għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit, l-istess Partit Nazzjonalista jkun ta’ eżempju ta’ kif isiru l-elezzjonijiet interni.
Kelma inqas tagħmel ħafna aktar ġid minn kelma aktar. Għax dak kollu li qegħdin nagħmlu, qegħdin nagħmluh għall-Partit Nazzjonalista. L-uniku ħaġa li tgħaqqadna hi l-arma tal-Partit Nazzjonalista u min verament iħobb lill-Partit, allura ma jagħmel xejn li b’xi mod jista’ jweġġa’ biha lill-Partit Nazzjonalista.
Sadattant qiegħda tkompli l-ħidma ta’ tesserament u nappella lil dawk kollha li jistgħu jġeddu t-tessera tagħhom biex jagħmlu dan minnufih billi jiġu d-Dar Ċentrali u jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Dan se jkun jista’ jsir sa għaxart ijiem mid-data li fiha se ssir din l-elezzjoni. Bħalissa hemm aktar minn 18,400 persuna li għandhom it-tessera mġedda u jistgħu jvvutaw f’din l-elezzjoni li l-uniku rebbieħ fiha jrid ikun biss il-Partit Nazzjonalista.
Kull wieħed u waħda minna f’dan il-Partit irid jassigura li finalment ir-rebbieħ finali jkun biss il-Partit Nazzjonalista.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 17  ta’ Awwissu, 2025.