Lokali

Schembri ma jaqbilx bi sħiħ mal-emendi proposti dwar l-ippjanar

Il-Ministru Silvio Schembri kien skomdu immens biex iwieġeb dwar il-kummenti li għamlu d-Deputati Laburisti Edward Zammit Lewis kif ukoll Katya De Giovanni dwar il-working group li waqqaf Robert Abela sabiex tul dawn il-jiem jikkonsulta fuq l-abbozzi li jrid idaħħal tal-ippjanar.

Net News staqsa qabel xejn jekk jaqbilx mal-kummenti li għamlu ż-żewġ Membri Parlamentari Laburisti fost oħrajn li Zammit Lewis qal li m’hemmx dubju li ma jaqbilx mal-kompożizzjoni tiegħu, filwaqt li De Giovanni qalet li għandha fiduċja f’uħud mill-membri – ċioè m’għandhiex fiduċja f’oħrajn.

Madanakollu, minkejja r-raporti tal-ġurnali u minkejja li dawn il-kummenti fuq il-midja soċjali – il-Ministru saħaq li ma kellux idea dwar xiex kien qed jiġi mistoqsi – minkejja l-kritika qawwija saħansitra miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Għal aktar minn darba l-Ministru sostna li ma kellux idea dwar dawn il-kummenti – bi Schembri jinsisti li din il-kritika ma ġietx diskussa fuq livell ta’ Grupp Parlamentari.

Huwa stqarr li bħalissa id-diskussjoni tinsab fuq livell ta’ konsultazzjoni – bi Schembri jammetti li ma jaqbilx ma uħud mill-emendi li qed jipproponi l-Gvern – minkejja li l-Ministru Clint Camilleri stqarr li jemmen li l-emendi huma kollha tajbin.

Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta akkademiċi, esperti, flimkien ukoll ma edituri u l-Partit Nazzjonalista li kritikaw bl-aħrax l-abbozzi 143 u 144 li qed jimbotta Abela u li qed jiġu deskritti bħala emendi li se jbiddlu wiċċ l-ippjanar f’pajjiżna – bil-għan li jagħtu aktar saħħa lil ftit għad-dannu tal-ħafna.

Fost dawk li kritikaw il-mod kif qed jaħdem Robert Abela hemm l-eks Ministru Edward Zammit Lewis fejn saħansitra mal-MaltaToday stqarr li l-Prim Ministru għandu bżonn aktar xagħar griż madwaru.

Net News staqsa lil Schembri jaqbilx mal-kummenti – bil-Ministru jistqarr li mhux se jesprimi l-opinjoni tiegħu.

Sorsi miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista spjegaw ma’ Net News li s-suġġett tal-Ippjanar kompla jiffumenta qasma bejn naħa u oħra fi ħdan il-Labour, partikolarment wara l-kritika ta’ Joseph Muscat li ddeskriva dan kollu bħala froġa medjatika.