Internazzjonali

Ukrajna-Stati Uniti: Zelensky ‘ma jridx ibaxxi rasu għad-domandi  tar-Russja’ waqt il-laqgħa ma’ Trump fil-White House

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, għada, f’Washington, jiltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump biex flimkien jiddiskutu l-aħħar żviluppi diplomatiċi wara l-laqgħa ta’ tmiem il-ġimgħa f’Alaska bejn il-President Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin.

Il-laqgħa f’Alaska ntemmet mingħajr konċessjonijiet, min-naħa ta’ Putin, li kapaċi jqarrbu t-tmiem tal-gwerra li ilha għaddejja għal tlett snin u nofs fl-Ukrajna.

Fl-istess ħin, hemm l-inkwiet li Trump, fis-sigħat li ġejjin, kapaċi jwettaq pressjoni fuq Zelensky biex jaċċetta d-domandi ta’ Moska biex l-Ukreni jaċċettaw is-sovranità tar-Russja fuq id-Donbas; li jinkludi r-reġjuni importanti ta’ Luhansk u Donetsk.

Dan meta t-territorji tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, huma ferm importanti minn aspett storiku, kulturali u anki ekonomiku – bl-ostilitajiet fl-inħawi bejn il-militar Ukren u s-separatisti favur ir-Russja ilhom għaddejjin mill-2014.

L-Ukreni u l-Ewropej anki qed jittamaw li l-laqgħa imminenti bejn Trump u Zelensky ma tirriżultax fl-istess tilwima xokkanti li spikkat waqt il-laqgħa ta’ Frar bejn dawn iż-żewġ Mexxejja fl-Oval Office tal-White House….Laqgħa li fiha, Donald Trump kien anki akkuża lil Zelensky bħala ‘il-kaġun tal-gwerra (bejn l-Ukrajna u r-Russja).’

Għaldaqstant, it-tamiet ta’ kulħadd huma għall-impenji aktar konkreti mill-Istati Uniti biex in-naħat rispettivi jaqbdu t-triq lejn il-paċi  mingħajr ħtieġa li l-Ukreni jbaxxu rashom għad-domandi aggressivi tal-Kremlin.

Fl-aħħar sigħat ukoll – u b’riżultat tan-nuqqas ta’ qbil bejn Putin u Trump rigward it-tmiem potenzjali għall-gwerra – sar magħruf li l-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer, flimkien ma’ mexxejja oħra tal-Ewropa, għandhom jissieħbu ma’ Zelensky għal-laqgħa mal-President Amerikan fil-White House.

Il-Gvern tar-Renju Unit sostna, sadanittant, li Starmer lest  biex jappoġġja l-fażi li jmiss tad-djalogu intiż lejn il-paċi fl-Ukrajna; bit-Tmexxija Britannika mill-ġdid qed tenfasizza l-appoġġ tagħha għall-Ukreni waqt din il-fażi kruċjali tal-konflitt.

L-osservaturi tal-politika internazzjonali, fl-istess ħin, qablu li l-Mexxejja tal-Ewropa, b’mod partikulari Keir Starmer, il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz, iridu juru li huma ‘indispensabbli’ għal kwalunkwe ftehim għall-paċi li jrid iwassal għalih Trump…Dan ukoll meta l-President Amerikan għandu l-ambizzjonijiet li jirbaħ il-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena.

Intant u bħala l-aħħar fażi preparattiva qabel il-vjaġġ ta’ Zelensky lejn l-Istati Uniti, hemm imħejji sensiela ta’ telefonati bejn il-Mexxej Ukren,il-Mexxejja tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja u alleati oħrajn biex flimkien janalizzaw il-passi li jmiss relatati mal-proċess lejn il-konsolidazzjoni tal-paċi fl-Ukrajna.