Raġel ta’ 40 sena minn miż-Żebbuġ, Għawdex, ġie kkundannat 20 xahar ħabs wara li għamel ħsara fuq żewġ karozzi u weġġa’ lis-sid ta’ waħda minnhom, f’inċident li seħħ f’Mejju li għadda. Ashraf Sultan wieġeb ħati għall-akkużi ta’ ħsara fuq proprjetà, ġrieħi, ksur tal-paċi pubblika, kif ukoll li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ libertà kundizzjonata u reċidiv.
L-inċident seħħ fil-lejl tal-11 ta’ Mejju 2025, meta l-Pulizija ġew imsejħa fi Triq Ulisse, Marsalforn, wara rapport ta’ ġlieda. Meta waslu fuq il-post, sabu lil Sultan f’parkeġġ, bid-demm fuq wiċċu. Qalilhom li kien ġie attakkat minn raġel ieħor, Gentjan Duka.
Meta l-Pulizija tkellmu ma’ Duka, dan qalilhom li kien ra lil xi ħadd jagħmel ħsara fil-karozza tiegħu, iżda dak il-ħin kien flimkien ma’ bintu. Wara li ħadha lura d-dar, mar lura lejn il-karozza u sab lil Sultan ġewwa fiha.
Staqsieh x’inhu jagħmel, iżda Sultan wieġbu b’daqqa ta’ sieq. Meta Duka rnexxielu jkeċċih barra mill-karozza, Sultan ipprova jaħrab iżda Duka żammu u qamet ġlieda bejniethom.
Meta l-Pulizija eżaminaw il-karozza ta’ Duka, sabu t-tieqa ta’ wara miksura, kif ukoll ħġieġ u demm ġewwa. Aktar tard dakinhar, raġel ieħor li kien ipparkja ħdejn Duka rrappurtat ħsara simili fil-karozza tiegħu.
Sultan tressaq il-Qorti u wieġeb ħati fl-4 ta’ Awwissu. Il-Qorti, filwaqt li tat is-sentenza, innotat li Sultan kellu każi preċedenti u li kellu ċans jirriforma iżda naqas milli jagħmel dan. Hu ngħata 15-il xahar ħabs għall-akkużi relatati mal-inċident, flimkien ma’ ħames xhur oħra għall-każ li fih kien ingħata libertà kundizzjonata minn qabel.
Il-Qorti ordnatu wkoll iħallas €70 lil kull wieħed miż-żewġ vittmi fi żmien erba’ xhur minn meta joħroġ mill-ħabs. Il-Maġistrat Jean Paul Grech sema’ l-kawża filwaqt li l-Ispettur Josef Gauci mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>