Il-Maġistrat Joe Mifsud appella għall-introduzzjoni ta’ testijiet każwali tad-droga u l-alkoħol għas-sewwieqa fit-toroq ta’ pajjiżna.
Ir-rakkomandazzjoni saret mill-Maġistrat Mifsud fi tmiem inkjesta maġisterjali dwar ħabta li seħħet f’Ġunju li għadda fl-Isla.
L-inċident kien seħħ hekk kif sewwieq ta’ mutur ta’ 43 sena tilef il-kontroll, ħabat ma’ bollard, u miet fil-post. Mill-awtopsja li kienet saritlu, irriżulta li s-sewwieq kellu l-kokaina fis-sistema tiegħu.
Il-Maġistrat Mifsud wissa li filwaqt li sar xi progress fl-infurzar tar-regolamenti tas-sewqan, hemm bżonn ta’ infurzar aktar konsistenti u proattiv. Huwa saħaq li d-dixxiplina fit-toroq issalva l-ħajjiet, filwaqt li l-abbuż tad-droga u l-alkoħol ikompli jitfa’ ħajjet is-sewwieqa u persuni innoċenti fil-periklu.
Joe Mifsud sostna li “d-dixxiplina qatt ma qatlet lil ħadd iżda, l-abbuż tas-sustanzi, iva. U f’ħafna każijiet il-vittmi jkunu ċittadini innoċenti li jobdu l-liġi.” Huwa ħeġġeġ għal infurzar kontinwu fit-triq u koordinazzjoni aħjar mill-awtoritajiet responsabbli.
Il-maġistrat hawnhekk irrefera għal dokument tal-2023 minn Doctors For Road Safety, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija, u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Welfare. Dokument li fih ġew indirizzati l-perikli tas-sewqan ikkawżati mill-użu tad-droga.
Din is-sejħa ġiet wara sensiela ta’ inċidenti serji tat-traffiku f’Malta marbuta mal-abbuż tal-alkoħol u d-droga, matul l-aħħar ġimgħat.
//= $special ?>