B’reazzjoni għall-istqarrija li ħarġu Valletta FC dalgħodu, biex jesprimu r-rabja u d-diżappunt tagħhom wara li mijiet ta’ partitarji Beltin baqgħu barra u ma tħallewx jidħlu fil-grawnd biex jaraw l-ewwel partita tal-Malta Premier 2025/26 bejn Valletta FC u Birkirkara FC, minkejja li “sezzjonijiet tal-grawnd kienu vojta”, il-Malta Premier wieġbet b’stqarrija li fiha ħadet responsabbiltá ta’ dak li ġara.
L-MPL, li minn dan l-istaġun il-ġdid ħadu aktar mir-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-Kampjonat, inkluż l-operat f’jum il-partiti, talbet appoloġija “lis-supporters li ġew temporanjament miċħuda aċċess għal-logħba tas-Sibt bejn Valletta FC u Birkirkara FC.”
Fl-ispjegazzjoni tagħha, l-MPL qalet li “dan it-tfixkil kien ikkawżat minn ħsara fis-sistema tal-biljetti, ipprovduta lill-Malta Premier bħala parti mill-kirja tal-post, li mmarkat b’mod żbaljat l-allokazzjoni tal-biljetti ta’ Valletta FC bħala mibjugħa kollha.”
L-MPL kompliet tgħid li din il-kwistjoni ġiet identifikata u solvuta fuq il-post, “u s-supporters li kienu għadhom fuq il-post eventwalment tħallew jidħlu.”
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, l-MPL esprimiet id-dispjaċir tagħha “għall-inkonvenjent ikkawżat u napprezzaw ħafna l-paċenzja u l-kollaborazzjoni muri mill-partitarji tagħna waqt dan l-inċident.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-Malta Premier ħadet passi immedjati biex tindirizza l-kwistjoni mas-sidien tas-sistema.
Intant, wara l-istqarrija tal-MPL, il-Malta Football Association ukoll ħarġet stqarrija biex tikkummenta dwar dak li ġara u tippreċiża ċ-ċirkostanzi li seħħew fl-inċident li dwaru llmentaw Valletta FC.
Għal kontra ta’ dak li qalet l-MPL, li dak li ġara kien “ikkawżat minn ħsara fis-sistema tal-biljetti”, l-MFA qalet li wara li għamlet il-verifiki indipendenti tagħha, “l-Assoċjazzjoni tista’ tikkonferma li s-sistema tal-biljetti ħadmet b’mod korrett u mingħajr ħsara, sejba li kienet ikkonfermata mill-fornitur tas-sistema.”
L-MFA tkompli tgħid li s-sistema ħadmet eżattament kif iddisinjata li tagħmel, “immarkat u illimitat id-dħul ladarba l-istand ta’ Valletta FC (WEST C) laħaq il-kapaċità kalibrata tiegħu, u indika b’mod preċiż li l-istand kien mimli abbażi tal-kapaċità stabbilita u disponibbli għal dawk il-biljetti li nbiegħu online flimkien ma’ dawk mibjugħa mill-kabini tal-biljetti. Il-bqija tal-kapaċità li kien għad fadal fl-istand ta’ WEST C kienet riservata għal dawk il-partitarji ta’ Valletta FC li għandhom biljett wieħed għal staġun sħiħ.”
L-MFA tippreċiża u ddikjarat b’mod ċar fl-istqarrija, li “l-ippjanar, l-organizzazzjoni, u l-operazzjonijiet tal-ġurnata tal-logħba huma r-responsabbiltà ta’ Kampjonat Malta Limited. L-MFA tibqa’ disponibbli biex tipprovdi appoġġ u kooperazzjoni kif meħtieġ.”
//= $special ?>