Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jikkonkludi laqgħa mal-Mexxejja Ewropej – alleati tal-Ukrajna – wara s-summit li kellu f’Washington mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky…. Intant, Trump tenna li r-Russja, ‘il quddiem, għandha taċċetta l-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna u li hu, fis-sigħat li ġejjin, għandu jagħmel telefonata ‘oħra’ lill-President Russu Vladimir Putn.
Donald Trump qed jaħseb biex f’qasir żmien issir laqgħa bejn ‘l-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ukrajna’ bħala pass importanti ieħor lejn il-konklużjoni tal-gwerra fl-artijiet Ukreni li ilha minn Frar tal-2022.
Il-Mexxejja tal-Ewropa marru f’Washington bħala ‘spalla’ għall-President Zelensky, bi Trump jgħidilhom li s-summit ta’ tmiem il-ġimgħa (f’Alaska) bejnu u Putin ‘saħħaħlu t-twemmin li l-paċi (fl-Ukrajna) tista’ tkun aktar fil-qrib milli jistgħu jaħsbu’.
Dan ukoll meta l-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna għandhom ifissru pass kbir u sinifikanti ‘il quddiem – bil-President Amerikan jinsab ottimist dwar ftehim futur li jevita li l-Ukrajna tisfa mill-ġdid mira għall-aggressjoni.
Trump tenna li ‘il-pajjiżi Ewropej, fil-futur, se jkollhom jerfgħu ħafna responsabbiltà għas-sigurtà tal-Ukrajna – bl-Istati Uniti beħsiebha tgħin f’dan l-impenn’.
Il-laqgħa li jmiss bejn il-Mexxejja tal-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ukrajna kapaċi titratta wkoll l-iskambji tal-art potenzjali – bl-Ukreni jistgħu jkollhom iċedu t-territorji tad-Donbas lil Moska. Min-naħa tiegħu, Trump informa lill-Mexxejja Ewropej li l-laqgħa ‘trilaterali’ tista’ twassal ukoll għal aktar skambji ta’ priġunieri bejn l-Ukrajna u r-Russja.