Lokali

Iċ-Chief of Staff issa qed jitkellem dwar “standards”

Għall darb’oħra, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jinħeba wara l-pinna taċ-Chief of Staff Mark Mallia biex jipprova jikkonvinċi lill-poplu Malti u Għawdxi li r-riformi tal-ippjanar huma fl-aqwa interess taċ-ċittadini – u se jdaħħlu dak li Mallia sejħilhom “standards”.

Mark Mallia li ngħata diversi impjiegi għoljin mill-Gvern f’dawn l-aħħar snin, għażel li jikteb artiklu fit-Times of Malta biex jipprova jgiddeb dak li qed jgħidu b’saħħa l-NGO’s ambjentali, il-Kamra tal-Avukati, diversi professjonisti oħra kif ukoll il-Partit Nazzjonalista.

F’dan l-artiklu Mallia ftaħar mhux ftit li se ssir konsultazzjoni miftuħa u li fiha – skont hu – kulħadd se jkun jista’ jsemma leħnu; meta fil-verità l-Prim Ministru Robert Abela, l-ewwel kien preżenta dawn ir-riformi fil-Parlament u wara kellu jċedi għall-pressjoni pubblika. Barra minn hekk, fl-aħħar jiem deher biċ-ċar li Abela fil-fatt lest li jibqa’ għaddej b’dawn l-abbozzi – u ma jridx jirtira l-liġi.

Fl-istess artiklu, Mark Mallia rrefera għall-fatt li dawn l-abbozzi ġabu magħhom varjeta ta’ reazzjonijiet differenti, meta fil-fatt jum wara l-ieħor aktar persuni qed joħorġu kontra dawn l-istess proposti. U kien hemm kritika lejn il-mod kif saru… saħansitra, anke mill-Eks Prim Ministur Joseph Muscat u minn diversi esponenti tal-Labour.

Mark Mallia fil-kitba tiegħu semma wkoll il-famuż Working Committe, li qed imexxi. Fejn stqarr li l-irwol tiegħu hu li jissorvelja dan il-proċess.

Li naqas li jsemmi Mallia huwa li dan il-grupp ukoll ħoloq diżgwit fi ħdan il-Partit Laburisa. Dan hekk kif id-Deputat Edward Zammit Lewis qal li bla dubju ta’ xejn ma jaqbilx mal-kompożizzjoni tiegħu, u li min kellu l-karattru politku li jitkellem u jieħu interess dejjem għal ġid komuni tħalla barra. Bil-Membru Parlamantari Katya De Giovanni tindika li ma tafdax lil membri kollha ta’ dan il-grupp.