L-awtoritajiet fil-Pakistan għadhom qed jagħmlu l-kontijiet tal-għargħar devastanti, ikkaġunat mix-xita qawwija tal-aħħar jiem, u li ħalla l-mijiet tal-mejtin u midruba. Dan ukoll meta għadha għaddejja t-tfittxija għall-persuni rappurtati nieqsa f’diversi nħawi tal-pajjiż indikati bħala ‘zoni ta’ diżastru’.
L-aħħar rapporti konfermaw li mietu talanqas 350 fil-provinċja ta’ Khyber Pakhtunkhwa b’riżultat tax-xita u l-għargħar ta’ tmiem il-ġimgħa – bil-midruba fl-inħawi jaqbżu l-200.
Id-distrett ta’ Buner ġarrab l-akbar impatt tal-għargħar fid-. bl-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tas-sitwazzjonijiet tad-diżastru jsostnu li l-ammont tal-vittmi fid-distrett kapaċi jikber fis-sigħat u l-ġranet li jmiss.
Storja oħra traġika trattat l-imwiet ta’ numru kbir ta’ nies f’dar fejn kienu għaddejjin il-preparazzjonijiet għal tieġ – bl-inħawi jisfaw mgħarrqin fi kwistjoni ta’ minuti. Dan waqt li l-għargħar anki kaxkar ‘il fuq minn 100 residenza fl-inħawi ta’ Bishnoi, li partijiet minnha, issa, huma dikjarati bħala zoni diżabitati.
L-istaġun tal-monsoon fin-Nofsinar tal-Asja beda f’Ġunju u bħalissa jinsab fl-eqqel tiegħu….Dan meta sallum mifhum li mietu ‘il fuq minn 700 qalb iz-zoni straxxnati mill-elementi.
Fil-Pakistan biss, minn Ġunju ‘il hawn, mietu ‘il fuq minn 500 b’kaġun tal-inċidenti relatati mal-maltemp — bl-inħawi tal-Punjab u Islamabad ukoll jispiċċaw assedjati mid-dulluvji u l-għargħar għall-għarrieda.
Intant, intlaqtu jerġa’ agħar l-inħawi lejn it-Tramuntana tal-Pakistan li huma dominati mill-muntanji u fejn hemm ukoll medda kbira ta’ silġ li qed iddub kontinwament b’riżultat tal-global warming….Dan sar evidenti fir-reġjun tal-Khyber fejn il-blat miksijin bil-borra u materjal ieħor kapaċi jinqalgħu minn posthom wara l-mijiet tas-snin.
U filwaqt li l-awtoritajiet jridu jiddeterminaw il-kawża eżatta għall-aħħar għargħar u valangi tal-art, ix-xjenzati magħrufin bħala glaciologists – esperti li jistudjaw l-akkumulazzjoni tas-silġ u l-borra flimkien mal-iżviluppi tal-effetti tal-klima – qegħdin jaqblu li r-rata mgħaġġla li bih qed idub id-silġ għandu jitqies bħala fattur kontributorju għall-elementi attwali.
Hu mbassar, intant, li x-xita qawwija għandha tkompli nieżla fil-Pakistan sal-aħħar tal-ġimgħa u meta l-awtoritajiet lokali qegħdin iħejju għal aktar diżastri potenzjali.
//= $special ?>