Lokali

Il-qraba ta’ Charles Stroud b’appell b’risq Puttinu Cares

Il-familja ta’ Charles Stroud li miet fi sptar f’Londra fejn għal dawn l-aħħar ġimgħat kien qed jingħata kura speċjalizzata, qed tappella lil qraba u ħbieb sabiex min jista’ jagħti donazzjonijiet lil Putinu Cares minflok jingħataw bukketti tal-fjuri.

Permezz ta’ post fuq il-midija soċjali, il-familja ta’ Charles Stroud spjegat li d-donazzjonijiet jistgħu jingħataw online, bil-għan li l-Fondazzjoni Puttinu tlesti l-appartamenti li għandha f’Londra – appartamenti li se jkomplu jagħtu refuġju lil dawk il-familji li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura.

Il-familja tiegħu spjegat li huma dejjem se jkunu grati għall-għajnuna u l-appoġġ li rċivew matul iż-żminijiet diffiċli li qattgħu f’Londra, fejn il-ġentilezza ta’ Puttinu verament għamlet differenza. U għalhekk, issa huma jridu jwasslu din l-għajnuna lil familji oħra li jinsabu Londra.

Charles Stroud kien deskritt bħala bniedem b’passjoni lejn il-kreatività. U bil-mod kif hu kien iwassal il-messaġġ tiegħu kien imiss ħafna qlub. Għalhekk, huma qed jittamaw li jkomplu l-legat tiegħu  billi jgħinu lil familji li jinsabu fil-bżonn.