Lokali Qorti

Iż-żagħżugħ li ħarab, mar direttament għand l-avukat tiegħu

Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li ħarab miċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni tal-Caritas is-Sibt li għadda, kien mar għand l-avukat tiegħu fi stat ta’ paniku.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif Sheldon Micallef tressaq quddiem il-Maġistrat akkużat li ħarab miċ-Ċentru Terapewtiku Tal-Ibwar waqt li kien taħt arrest. Kien akkużat ukoll li kiser tliet settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li kien recidiv. Huwa wieġeb mhux ħati.

Aktar kmieni din is-sena, Micallef kien ġie kkundannat għal 20 xahar ħabs effettivi. Madankollu, hu ngħata l-permess imur għar-riabilitazzjoni.

Ġurnata wara li ħarab, il-Pulizija kienu rċevew telefonata mingħand l-avukat ta’ Micallef fejn kien qalilhom li ż-żagħżugħ kien mar għandu u kien imħawwad. Imbagħad, żammu sakemm waslu l-pulizija u arrestawh.

F’din il-fażi ma saret l-ebda talba għal ħelsien mill-arrest.

L-avukat talab sabiex wara li Micallef jingħata l-kura neċessarja, jintbagħat lejn iċ-Ċentru tas-Servizzi Residenzjali. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-Caritas biex jerġgħu jaċċettawh fil-programm ta’ rijabilitazzjoni u biex id-direttur tal-ħabs jaċċetta li jibagħtu lura hemmhekk. Il-Qorti laqgħet din it-talba.