Futbol Sport

Jurgen Pisani u Santa Lucia FC ħielsa minn kull akkuża ta’ tixħim mil-Bord tal-Integritá tal-MFA

Jurgen Pisani
Jurgen Pisani

L-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti, Jurgen Pisani u l-klabb ta’ Santa Lucia ġew illiberati mill-akkużi kollha kontra tagħhom wara li fl-aħħar xhur it-tnejn kienu taħt investigazzjoni fuq każ li jmur kontra r-regoli tal-MFA, quddiem il-Kumitat ta’ Kontroll, Dixxiplina u Etika – il-Bord tal-Integrità.

F’April li għadda, l-MFA kienet ħabbret li bdew proceduri u kien jhemm investigazzjoni għaddejha fil-konfront ta’ Pisani u l-klabb ta’ Santa Lucia fir-rigward ta’ każ ta’ logħba bejn Santa Lucia u Birkirkara, li kienet intlagħbet fit-3 ta’ Mejju 2024.

L-akkużi kienu jikkonċernaw allegat ksur tat-Taqsima IX tar-Regolamenti tal-MFA dwar it-Tixħim u l-Imħatri fil-futbol lokali.

Fi stqarrija maħruġa mill-MFA, intqal li wara li saret konsiderazzjoni bir-reqqa tal-evidenza ppreżentata, il-Bord tal-Integrità ddetermina li l-allegat akkużi ma ġewx ippruvati.

Għaldaqstant, is-sospensjoni temporanja tad-difensur Pisani, li għandu 32 sena u kien qed jilgħab l-aħħar fil-Malta Premier ma’ Żabbar St Patrick, tneħħiet u l-plejer jista’ jerġa’ jilgħab mill-ġdid.

Pisani kien ilu temporanjament sospiż għal dawn l-aħħar ħames xhur, bl-aħħar dehra tiegħu fil-pitch kienet ma’ Żabbar St Patrick kontra Gżira United, nhar il-11 t’April ta’ din is-sena.

Intant appena kienet konfermata din l-aħbar, permezz tal-midja soċjali tal-klabb, Żabbar St Patrick ħabbru li Pisani kien qed jerġa’ jiffirma mal-klabb u għalhekk f’dan l-istaġun il-ġdid se jkun qed jirritorna maż-Żabbarin.