Id-dinja tal-ispettaklu – mhux biss dik Taljana imma f’bosta pajjiżi oħra mad-dinja, inkluż f’pajjiżna fejn ilna nsegwu l-istazzjonijiet televiżivi Taljani minn kemm ilu li daħal it-televiżjoni f’pajjiżna – bkiet it-telfa tal-ġgant tat-televiżjoni Taljana Pippo Baudo, li l-mewt tiegħu fl-età ta’ 89 sena tħabbret nhar is-Sibt filgħaxija.
‘Super Pippo’ jibqa’ l-aktar imfakkar għar-rekord ta’ edizzjonijiet li ppreżenta l-festival internazzjonali tal-mużika Taljana, Sanremo – b’kollox 13-il edizzjoni li f’sebgħa minnhom serva wkoll bħala direttur artistiku tal-festival.
Giuseppe Raimondo Vittorio Baudo twieled f’Catania, fi Sqallija, fis-7 ta’ Ġunju 1936 u beda l-karriera televiżiva tiegħu fis-snin sittin u fi ftit snin sar wieħed mill-aktar uċuħ popolari fuq l-istazzjonijiet Taljani.
Minbarra Sanremo hu ppreżenta diversi programmi oħrajn bħal ‘Domenica In’, ‘Canzonissima’ u ‘Fantastico’, u kull fejn kien dejjem ġibed lejh l-ammirazzjoni tal-pubbliku, kemm fis-sala u kemm il-miljuni li segwewh minn fuq l-iscreens tat-televiżjoni tagħhom. Il-karattru ferrieħi tiegħu, ċajtier imma fl-istess waqt serju, il-kariżma, l-eleganza u l-abbiltà tiegħu fil-preżentazzjoni u l-kummenti tiegħu, stabbilewh matul is-snin bħala l-aktar personalità televiżiva popolari fl-Italja.
Iżda Pippo Baudo ma waqafx biss mas-suċċess tiegħu, imma fil-karriera tiegħu kien strumentali għal ħafna żgħażagħ biex bdew il-karriera tagħhom ukoll fit-televiżjoni u l-ispettaklu.
Il-players tat-tim tal-futbol ta’ Catania, ilbieraħ, lagħbu bil-vistu ma’ jdejhom u osservaw minuta silenzju b’rispett lejn il-kompatrijott tagħhom fil-partita tal-Coppa Italia kontra Crotone.
Ilbieraħ tħabbar li l-funeral ta’ Pippo Baudo se jsir fil-post fejn twieled, Militello Val di Catania, nhar l-Erbgħa li ġej fl-4pm fil-knisja ta’ Santa Maria della Stella. Qabel, mil-lum it-Tnejn sa għada t-Tlieta, il-pubbliku se jkun jista’ jagħtih l-aħħar tislima fit-Teatro delle Vittorie, it-teatru tar-RAI f’Ruma, fejn Baudo kien protagonist fuq il-palk għal bosta drabi fl-imgħoddi.
//= $special ?>