L-Assoċjazzjoni tal-Insurance f’Malta qed twissi li l-Policy Nazzjonali tal-Alkoħol ma tinkludix miżuri ta’ infurzar b’saħħithom u tonqos milli tindirizza b’mod adegwat is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Filwaqt li laqgħet il-pubblikazzjoni tal-policy għall-konsultazzjoni pubblika, l-Assoċjazzjoni esprimiet tħassib dwar kif din waslet 18-il xahar tard u kif dan juri nuqqas ta’ urġenza mill-awtoritajiet, u innotat ukoll li l-politika l-ġdida tħalli barra sezzjoni ddedikata għas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol li kienet tinsab fil-politika tal-2018–2023.
“Meta l-pajjiż għadu jissielet mal-konsegwenzi ta’ numru traġiku ta’ mwiet fit-toroq, hu diżappuntanti li miżuri ppruvati bħat-testijiet għall-għarrieda tal-breathalyser u testijiet obbligatorji wara inċidenti għadhom neqsin,” qalet l-Assoċjazzjoni.
L-Assoċjazzjoni ilha ssejjaħ għal testijiet bl-addoċċ tad-droga u l-alkoħol fit-toroq, u dan l-appell ġie rrepetut mill-Maġistrat Joe Mifsud, li talab għal infurzar akbar wara inċident bil-mutur f’Bormla fejn is-sewwieq instab li kellu kokaina fis-sistema tiegħu.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni saħqet fuq data miġbura mill-istess policy li turi li l-konsum tal-alkoħol f’Malta żdied b’23% bejn l-2010 u l-2019, filwaqt li l-medja Ewropea naqset b’madwar l-istess persentaġġ. Kważi nofs dawk ta’ bejn l-etajiet ta’ 20 sa 49 ammettew li jixorbu aktar minn sitt tazzi alkoħol fil-ġimgħa.
“Il-politika tirrikonoxxi ż-żieda fil-konsum tal-alkoħol fost il-gruppi kollha ta’ età, iżda prattikament tibqa’ siekta fuq sanzjonijiet u infurzar li huma kruċjali biex jitrażżnu dawk li jiksru l-liġi. L-edukazzjoni waħedha, mingħajr infurzar b’saħħtu, mhux se tkun biżżejjed,” qalet l-IAM.
L-Assoċjazzjoni, ħeġġet lill-Gvern isegwi l-eżempju ta’ pajjiżi Ewropej oħra li qed jimplimentaw liġijiet aktar iebsa kontra s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, fosthom:
- Spezzjonijiet bl-addoċċ fit-toroq u pieni aktar iebsa, bħalma huma multi ogħla u sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan.
- Rapport obbligatorju ta’ każijiet ta’ sewqan taħt l-influwenza lil insurances.
- Installazzjoni ta’ apparat “alcolock” għal dawk li jinqabdu ripetutament – teknoloġija diġà fis-seħħ fl-Italja u f’pajjiżi oħra – li ma tħallix karozza tibda jekk is-sewwieq ikun qabeż il-limitu legali.
- Servizzi ta’ taxi bi prezzijiet b’sussidju waqt avvenimenti kbar.
- Użu ta’ filmati minn CCTV biex jiġu identifikati u jitwaqqfu użanzi perikolużi.
“Li nedukaw lis-sewwieqa dwar ir-riskji huwa essenzjali, iżda dan irid ikun akkumpanjat minn deterrenti b’saħħithom biex l-offiżi ripetuti jsiru ħafna inqas komuni,” qalet l-IAM.
L-Assoċjazzjoni appellat ukoll lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-politika l-ġdida dwar l-alkoħol twassal għal bidla konkreta, u wissiet li “mingħajr miżuri deċiżivi, Malta tirriskja li din il-politika tispiċċa opportunità oħra mitlufa, u s-sewqan taħt l-influwenza jibqa’ theddida fatali u evitabbli fit-toroq tagħna.”
//= $special ?>