Lokali

L-ewwel parteċipazzjoni Maltija fil-Festival Operistiku ta’ Narva

Għall-ewwel darba, Malta kienet rappreżentata fis-serata ewlenija tal-Festival Operistiku ta’ Narva fl-Estonja u li saret il-Ġimgħa 15 ta’ Awwissu. Dan permezz tal-parteċipazzjoni tas-Sopran Nicola Said u t-tenur Cliff Zammit Stevens. Din il-parteċipazzjoni kienet possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni li kien hemm fl-aħħar xhur bejn Dr Kenneth Vella, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja u s-Sinjura Julia Savitskaia, Direttur Artistiku u organizzatriċi tal-Festival.

Fuq kollox il-parteċipazzjoni kienet possibbli anki għall-appoġġ tal-Uffiċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu permezz tal-Fond għad-Diplomazija Kulturali u l-assistenza mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Nicola Said ħalliet impressjoni mill-aqwa meta kantat xogħolijiet tal-kompożituri Gounod, Tcaikovsky u Puccini. Dan filwaqt li Zammit Stevens kanta xogħolijiet ta’ Tcaikovsky, Puccini u Agustin Lara. Spikkat ukoll l-interpretazzjoni tiegħu ta’ “Il-Kebbies tal-Fanali”, kliem tal-Poeta u Ex President ta’ Malta Anton Buttigieg u mużika ta’ Joseph Vella. Dan sar biex tiġi wkoll promossa l-lingwa u l-kultura Maltija u x-xogħol artistiku Malti anki f’din il-belt Estonjana ta’ Narva li tinsab fruntiera mar-Russja. Said u Zammit Stevens kellhom ukoll l-opportunita’ li jkantaw flimkien “O Soave Fanciulla” ta’ Puccini. Dan kollu taħt id-direzzjoni tal-Maestro magħruf sew fl-Estonja u fir-Reġjun Anatoli Štšura. Il-festival sar fis-sala ewlenija ta’ Kreenholm, fabbrika ndustrijali li ġiet mibdula f’teatru operistiku.

Mitluba tikkummenta dwar din l-esperjenza Nicola Said tenniet li huma rċivew merħba kbira f’Narva fejn kull min kien involut prova jgħin b’kull mod. “Kelli l-okkażjoni li nippreżenta repertorju li hu verament għal qalbi u li nkluda il-famuża “Letter Scene” ta’ Tatyana minn Eugene Onegin ta’ Tchaikovsky. Kont vera emozzjonata u sodisfatta bir-rispons pożittiv li rċivejt minn dawk preżenti li jitkellmu bil-lingwa Russa għall-pronunzja tiegħi tal-kliem Russu waqt l-interpretazzjoni tiegħi. Anki l-Maestro Anatoli Štšura, il-mużiċisti tal-Orkestra Sinfonika ta’ Narva kellhom kliem pożittiv f’dan ir-rigward.

“Ir-rispons u l-apprezzament tagħhom għall-interpretazzjoni tiegħi tal-vjaġġ ta’ Tatyana, rwol li ddebuttajt fih is-sena li għaddiet, fisser ħafna għalija. Personalment kien ta’ unur għalija li nirrappreżenta lil Malta f’din il-kollaborazzjoni ġdida mal-Estonja u kuntenta li l-organizzaturi diġa stednuni biex nerġa nieħu sehem fis-snin li ġejjin,” ikkonkludiet Said.

Min naħħa tiegħu, Cliff Zammit Stevens sostna li kien verament onorat li kellu ċans jieħu sehem f’dan il-Festival f’Narva. Hu ddeskriviha bħala esperjenza li se tibqa speċjali għalih. “Li tirrappreżenta lil pajjiżek barra minn xtutna huwa dejjem privileġġ u nħossni grat li kelli l-opportunita’ li naqsam il-mużika ma’ udjenza ġdida fi sfond verament uniku. Matul is-serata spikkat l-interpretazzjoni tiegħi ta’ “Il-Kebbies tal-Fanali” li ntaqgħet tajjeb ħafna mill-udjenza nternazzjonali. Napprezza l-opportunita’ li kelli li naħdem ma’ kollegi ġodda u fuq kollox li nkanta taħt id-direzzjoni tal-Maestro Štšura, li hu magħruf sew fil-qasam tagħna anki għall-kompożizzjonijiet tiegħu.”

L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja kkummenta li kien kuntent li għall-ewwel darba kantanti Maltin ħadu sehem fil-Festival Operistiku ta’ Narva li hu wieħed fost l-ewlenin fl-Estonja. “Din ma kenitx biss okkażjoni li matulha tajna promozzjoni lit-talent Malti iżda għinet biex aktar Estonjani jsiru jafu aktar dwar pajjiżna, dwar il-lingwa tagħna.

Din il-parteċipazzjoni tikkumplimenta wkoll inizjattivi oħra li ħadna fl-aħħar xhur bejn Malta u l-Estonja fil-qasam edukattiv, turistiku, tat-teknoloġija diġitali, sportiv u kulturali. Nieħu l-opportunita’ biex nirringrazzja lis-Sinjura Annabelle Stivala li l-Kap Eżekuttiv responsabbli mir-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti u lis-Sur Norbert Cilia Assistent Direttur responsabbli mill-Iżvilupp Internazzjonali u Affarijiet Ekonomiċi International fi ħdan l-Uffiċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu tal-assistenza kontinwa tagħhom,” tenna Dr Vella.

Finalment l-Ambaxxatur Vella xtaq jirringrazzja wkoll lis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru is-Sur Christopher Cutajar tal-interess personali li jieħu f’inizjattivi bħal dawn, tal-appoġġ kontinwu tiegħu lejh u talli dejjem jixpruna tali proġetti. Hu kkonferma wkoll li aktar inizjattivi f’diversi oqsma bejn Malta, l-Estonja u l-Finlandja se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.