L-ogħla tmexxija tal-qawwiet armati tal-Iran ħarġet twissija lill-Istati Uniti u lil Iżrael biex ‘ma jaħsbux li jistgħu jinfexxu f’aggressjoni kontra l-Istat Iżlamiku mingħajr ma jiffaċċjaw reazzjoni xierqa’. Il-messaġġ ikompli li r-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei lanqas mhu se jittollera xi ħjiel ta’ azzjonijiet ostili kontra l-interessi tal-Iran.
Hu fatt li l-Iran sofra telfiet kbar fl-aħħar gwerra ta’ 12-il jum ma’ Iżrael …Gwerra li fiha nqatlu l-ogħla mexxejja u kollaboraturi militari ta’ Khamenei li sfaw vittma tal-azzjonijiet preċiżi tal- Iżraeljani li użaw id-drones u l-missili biex jeliminawhom.
Madankollu, it-Tmexxija militari f’Tehran, issa, qed tirreferi għal ‘arroganza fuq livell globali’ kif ukoll għal ‘pajjiżi li, fi żmien 46 sena, ma tgħallmux mill-iżbalji wara li dikjaraw ruħhom bħala alleati ta’ Iżrael.’ Mhux magħruf x’qanqal din l-istqarrija aggressiva – u pjuttost ‘stramba’ — min-naħa tal-Iran…Stqarrija li fost oħrajn insistiet biex ‘Washington u Tel Aviv jabbandunaw lill-allegati kumplotti malinni kontra l-poplu Iranjan.’
Sadanittant, il-Kap tal-Istaff tal-qawwiet Iranjani qal li, ‘kuntrarju għall-kontroll li wera l-Iran waqt l-aħħar konflitt ma’ Iżrael’ , il-provokazzjonijiet ġodda min-naħa tal-Iżraeljani u l-Istati Uniti ‘għandhom jiġġeneraw reazzjonijiet ħafna aktar ħorox, qawwija u mingħajr l-ebda preċedent (min-naħa tal-Iranjani)’.
L-osservaturi, fl-istess ħin, qed jgħidu li l-Iran irid iwassal il-messaġġ li għadu forza formidabbli fil-Lvant Nofsani — u fost l-istqarrijiet li l-qawwiet ta’ Khamenei ‘lesti biex jużaw kull livell ta’ forza’ fil-konfront tal-isfidi għas-sovranità ta’ pajjiżhom.
//= $special ?>