Wara l-ewwel tmiem il-ġimgħa mill-bidu tal-Malta Premier, in-numru tal-attendenzi reġistrati, anke skont dak li ppubblikat il-Malta Premier permezzz tal-midja soċjali tagħha huma sbieħ partikolarment l-ammont ta’ partitarji li nhar is-Sibt li għadda attendew għall-ewwel żewġ partiti tal-Kampjonat. Il-logħba inawgurali bejn Valletta FC u Birkirkara FC, flimkien mal-isforzi li għamel kulħadd, kemm l-MPL kif ukoll iż-żewġ klabbs rispettivi, biex il-partitarji jitilgħu għal din il-logħba kienet suċċess u laħqet l-aspettativa mixtieqa, b’attendenza ta’ aktar minn 3,000 persuna.
Iżda jidher li mhux kollox kien ward u żahr u dalgħodu, Valletta FC ħarġu stqarrija biex jesprimu r-rabja u d-diżappunt tagħhom wara li mijiet ta’ partitarji Beltin baqgħu barra u ma tħallewx jidħlu fil-grawnd minkejja li “sezzjonijiet tal-grawnd kienu vojta.”.
L-istqarrija ta’ Valletta FC tgħid li l-logħba ta’ nhar is-Sibt li għadda “wriet il-passjoni u l-lealtà inkredibbli tas-supporters tagħna. L-istand ta’ Valletta FC kien mibjugħ sew qabel il-bidu tal-logħba, u ħoloq baħar aħmar u abjad li kwalunkwé klabb ikun kburi bih, kif għandu jkun għall-akbar klabb f’Malta.” Madankollu, skont l-istqarrija kien hemm mijiet ta’ partitarji Beltin li spiċċaw barra u ma tħallewx jidħlu f’sezzjonijiet oħra tal-istadium anke jekk dan kien vojt. L-istqarrija tal-klabb tgħid li dawn il-partitarji kienu “miżmuma magħluqa minħabba ppjanar ħażin u nuqqas ta’ previżjoni. Dan mhux aċċettabbli u Valletta FC mhux se jaċċettawh.”
Wara l-partita ta’ nhar is-Sibt li għadda, kienu bosta l-partitarji ta’ Valletta FC li għamlu kuntatt magħna biex jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom kif dawn telgħu biex jaraw l-ewwel logħba tal-Malta Premier u kellhom imorru lura d-dar mingħajr ma jsegwu lit-tim tagħhom fl-azzjoni.
“Fi żmien meta l-futbol Malti qed jitħabat biex jattira n-nies lejn l-istadiums tagħna, Valletta FC ħadem bla heda biex jippromwovi l-logħba u jġib lura lill-partitarji. Il-partitarji tagħna jistħoqqilhom aħjar, l-impenn u l-imħabba tagħhom għall-klabb għandhom jintlaqgħu b’rispett, mhux b’ostakli,” tkompli tgħid l-istqarrija.
Għaldaqstant Valletta FC ħabbru li se jkunu qed “inqajmu formalment din il-kwistjoni mal-entitajiet rilevanti peress li dan qatt m’għandu jitħalla jerġa’ jiġri. Il-messaġġ tagħna huwa ċar: is-supporters huma d-demm tal-futbol, u qatt m’għandhom jiġu miċħuda.
“Lil kull supporter ta’ Valletta li ġie nhar is-Sibt, kemm jekk ġewwa l-istand kif ukoll jekk tħalla barra, grazzi. Il-lealtà tiegħek timbuttana ‘l quddiem, u se nkomplu niġġieldu għalik, kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu,” temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>