Lokali Opinjoni

OPINJONI: Charles Stroud – Artist kbir b’impenn soċjali

Malta tilfet iben mill-aktar denn tagħha. Il-poplu, u mhux biss il-PN, għandhom għax isellmu u jibqgħu grati lejn dan il-ġgant patrijottiku, kreattiv, umli u uman

minn Louis Galea

L-ebda kitba ma tista’ tagħmel il-ġieħ kollu li jistħoqqlu Charles Stroud f’dan il-mument ta’ niket għat-telfa li seħħet is-Sibt li għadda. L-istess jgħodd għal martu Doris u wliedu li fin-nisġa ta’ ħajja mimlija mħabba kienu huma wkoll artisti protagonisti fil-merti tagħhom f’diversi xogħlijiet li ħoloq Charles.

L-arti hija ġenetika fil-familja Stroud, ibda mill-missier u kompli fi wliedu. L-ewwel Stroud li ltqajt miegħu kien fil-bidu tas-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor. Huwa ħu Charles, Michael, li ddedika ħajtu għall-wirt kulturali Malti, speċjalment fil-mużewijiet ta’ pajjiżna. Kien espert tal-Armerija tal-Kavallieri fil-Palazz fejn kien ikkontribwixxa bil-kbir għall-konservazzjoni tagħha, u kellu sehem fit-twaqqif u tmexxija tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Forte Sant’Iermu, il-Belt Valletta. Ħafna snin wara kelli x-xorti naħdem miegħu meta kont fdat bil-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura u kelli responsabbiltà għat-tmexxija tal-qasam tal-arti u l-wirt kulturali Malti.

Ftit wara li ġejt elett Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fl-1977 iltqajt mal-fenomenu kreattiv Charles Stroud u martu Doris. Ma tifhimx it-tifsira ta’ dan l-inkontru jekk ma tkunx infurmat dwar is-sitwazzjoni politika diffiċli li l-pajjiż kien beda jgħix taħt il-Gvern Laburista ta’ Mintoff dak iż-żmien u fis-snin ta’ wara sal-1987 meta l-poplu eleġġa lil Eddie Fenech Adami biex imexxi l-gvern tal-pajjiż.

Bħal ħafna oħrajn Charles kien fehem it-theddid li kien dieħel fih pajjiżna bil-politika ‘soċjalista’ u antidemokratika li Mintoff kien qed jimponi fuq il-pajjiż. Il-PN kien għaddej irrankat minn riforma u ri-organizzazzjoni radikali biex ikun imħejji għall-battalji politiċi li l-poplu kellu jaffaċċja. Bl-aktar mod diżinteressat Charles Stroud offra t-talenti, il-ħiliet u l-ħin tiegħu b’mod volontarju biex iżid il-valur tal-ħidma tal-PN b’dimensjoni kulturali, artistika u drammatika.

Sa dan iż-żmien Charles kien impjegat direttur ta’ programmi li kien ixandar l-hekk imsejjaħ Xandir Malta. Għal min jiftakar dan l-istazzjon pubbliku maħtuf mill-Partit Laburista fil-gvern jista’ jifhem kemm kienet riskjuża din l-offerta ta’ Charles għalih personali u għall-familja. Imma Charles kien Malti ta’ prinċipji Maltin u umani sodi, persuna bi tbissima ta’ kuraġġ il-ħin kollu, anki fl-aktar ġrajjiet diffiċli u perikolużi. Kien bis-saħħa ta’ Charles u ta’ Richard Muscat li beda jitrawwem fil-PN tim ta’ artisti ta’ kull ġeneru – letterarju, arti viżiva u performattiva, drammatiku, fotografija u film, mużika u oqsma oħra relatati – li kellu impatt ta’ żieda fil-valur sostanzjali fl-organizzazzjoni u l-attivitajiet tal-PN.

Kienet din id-dimensjoni artistika li ftit ftit ġibdet lejha ħafna nies mill-elettorat, u ħafna artisti oħra. Dawn ilkoll bdew jifhmu s-sejħa li kien qed jagħmlilhom pajjiżna u l-poplu tiegħu f’dawk iż-żminijiet diffiċli. In-numru ta’ Maltin u Għawdxin, minn ħaddiema sa akkademiċi, li bdew iwieġbu b‘determinazzjoni, bla biża’, imma b’sagrifiċċji, ħafna minnhom erojċi, taħt il-madmad Laburista tat-transfers, vendikazzjonijiet, attakki fiżiċi u affarijiet oħra, kien jiżdied kull jum.

Richard Muscat u Charles Stroud kien ‘duo’ inseparabbli li waqqfu fil-PN ġeneru ġdid ta’ attivitajiet politiċi ta’ massa bi programmi kulturali popolari. L-arti u l-kultura saru għodda fejjieda ta’ protesta u motivazzjoni biex il-poplu jqum u jgħajjat f’daqqa, “Jien Maltija…”

Lejn l-elezzjoni tal-1981, Xandir Malta laħaq l-agħar livelli ta’ magna propagandistika u giddieba tar-reġim Mintoffjan ta’ dak iż-żmien. Kien hawn li l-PN iddeċieda li jidħol għall-isfida tax-xandir minn Sqallija.

L-istorja erojka ta’ din il-ħidma kitibha diġà Richard Muscat. Nistgħu ngħidu li din strieħet fuq trepid, bl-appoġġ ta’ numru kbir ta’ voluntiera – Richard Muscat minn Sqallija, Charles Stroud jidderieġi minn Malta u Larry Calleja, il-fotografu professjonali, jiffilmja u jirrekordja l-ġrajjiet li konna għaddejjin minnhom, sew biex jixxandru kif ukoll għar-rekord tal-istorja. U dan f’sitwazzjoni fejn it-TV u r-Radju pubbliku, l-uniku mezz li kien jeżisti f’Malta għax-xandir, kien jaħbi kull attività sal-abberazzjoni li lanqas isemmu lil Eddie Fenech Adami b’ismu.

Mhux possibbli f’dan l-apprezzament insemmi l-ismijiet ta’ dawk kollha li kienu essenzjali għas-suċċess ta’ din it-trasformazzjoni, li eventwalment wasslet għat-trasformazzjoni ta’ pajjiżna wara r-rebħa tal-1987. Imma tnejn min-nies li kienu prominenti f’din il-fażi kienu Oliver Friggieri, il-ġgant letterarju u poeta, u Peppi Azzopardi, li kien ħoloq il-kunċett oriġinali tat-Teatru tat-Triq f’attività indipendenti mill-PN.

Hemm bil-bosta aktar x’niftakru fuq dawn iż-żminijiet li fihom Charles Stroud kien fuq quddiem nett tal-ħsieb u l-azzjoni. Wara l-1987 Charles ġie fdat bit-twaqqif tal-istazzjonijiet tar-radju u TV  dak iż-żmien, Radio 101, illum Net FM u Net Television.

Minbarra dan kollu, u barra mill-PN, Charles Stroud ibbrilla fil-qasam artistiku Malti bi kwantità ta’ direzzjonijiet ta’ drama u kien protagonist fl-iffilmjar u t-trasmissjoni ta’ ħafna programmi u plays ta’ ġeneri differenti, ħafna minnhom huma klassiċi sal-lum.

Malta tilfet iben mill-aktar denn tagħha. Il-poplu, u mhux biss il-PN, għandhom għax isellmu u jibqgħu grati lejn dan il-ġgant patrijottiku, kreattiv, umli u uman. Ejjew naħdmu biex Charles jibqa’ ħaj fil-memorja tagħna, speċjalment fil-valuri u l-ħidma tagħna favur il-ġid komuni tal-poplu Malti u l-bnedmin kollha.

Charles, ħabib għażiż, grati bla qies lejk u lejn martek Doris u wliedkom. Issa strieħ fis-sliem tal-Mulej.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 18 ta’ Awwissu, 2025.