Opinjoni

OPINJONI: Flimkien nerġgħu nagħmlu lill-PN partit rebbieħ

Dawn huma biss ftit mill-pjanijiet konkreti li għandi għall-partit tagħna. Ejjew ingħaqdu miegħi fil-ġranet li ġejjin biex tisimgħu ħafna iktar. Bil-fiduċja u l-għajnuna tagħkom, NIRBĦU.

minn Adrian Delia

Wasalna issa fl-aħħar fażijiet ta’ dan il-vjaġġ li bdejna ftit ġimgħat ilu. Iltqajt ma’ eluf minnkom, tkellimna u se nkomplu nitkellmu.

Għalkemm wasalna fl-aħħar ta’ din il-kampanja interna, il-missjoni tagħna hi li nerġgħu nagħmlu mill-partit wieħed rebbieħ. Nifhem li ilna snin nirrepetu l-istess mantra li rridu nirbħu. Imma biex naslu hemm irridu:

•⁠ ⁠Niżguraw li KULL NAZZJONALIST jemmen li aħna nistgħu nirbħu. Għax l-iskop tal-eżistenza tagħna bħala partit hu li niggvernaw. Perfetti m’aħniex, imma kburin li dejjem konna fuq in-naħa tas-sewwa.

•⁠ Inwettqu l-pjan li se nkun qed nippreżenta fil-jiem li ġejjin biex nisfruttaw bl-aħjar mod il-proprjetà tal-partit. Hekk niżguraw li l-partit ikollu dħul kontinwu biex isaħħaħ il-finanzi u jeħles mill-problema tad-dejn li ilha wisq tkaxkar u għamlitna inkapaċi li nwasslu l-messaġġ tagħna b’mod trasparenti u effettiv.

•⁠ Nibnu fuq is-suċċess tal-midja tagħna u nagħtuha l-għodda biex tħares lejn iktar tkabbir bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Inkabbru wkoll il-familja ta’ Medialink biex nagħtu opportunità liż-żgħażagħ li jesponu t-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom.

•⁠ ⁠Bl-għajnuna tal-Intelliġenza Artifiċjali, noħolqu struttura li tagħmilha faċli li niġbru l-ideat u l-ilmenti tal-partitarji tagħna biex kulħadd jingħata vuċi li ma taqax fuq widnejn torox.

•⁠ Nesponu b’mod interattiv il-mixja tal-partit glorjuż tagħna permezz ta’ wirjiet temporanji u permanenti.

•⁠ Niftħu beraħ il-bibien tagħna biex nagħtu spazju lill-artisti tagħna, lill-kittieba u mużiċisti, fost l-oħrajn. Il-propjetajiet tagħna għandhom ikunu bejta ħajja ta’ ideat u kreattività. Ma rridx nisma’ iktar skiet itarrax imma storbju ħaj bil-preżenza ta’ kulħadd.

•⁠ Noħolqu kalendarju mifqugħ bil-laqgħat man-nies. Irridu nkunu aħna li mmorru għand in-nies minflok nistennew li huma jiġu għandna. Irridu nkunu preżenti kullimkien, festi, okkażjonijiet soċjali eċċ. Id-deputati u kandidati tagħna jridu jkomplu jħabbtu l-bibien u jkunu aċċessibbli biex jisimgħu u jieħdu l-polz tal-poplu.

Dawn huma biss ftit mill-pjanijiet konkreti li għandi għall-partit tagħna. Ejjew ingħaqdu miegħi fil-ġranet li ġejjin biex tisimgħu ħafna iktar. Bil-fiduċja u l-għajnuna tagħkom, NIRBĦU.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 18 ta’ Awwissu, 2025.