Opinjoni

OPINJONI: Nindirizza l-inġustizzja fil-pensjonijiet u aktar sigurtá u serħan il-moħħ

Bija fit-tmexxija se nara li jsir aktar investiment fil-Korp tal-Pulizija b’aktar taħriġ u aktar riżorsi biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b'aktar effiċjenza.

minn Alex Borg

Illum għadna għandna inġustizzja kbira fil-pensjonijiet.

Ħafna pensjonanti li twieldu qabel l-1962 qed jirċievu pensjoni inqas minn dawk li twieldu wara l-1962, anke jekk ħadmu u ħallsu l-kontribuzzjonijiet bħal kulħadd.

Għalija dan mhux aċċettabbli. Irridu sistema fejn kull min ħadem onestament jirċievi l-istess trattament u l-istess rispett.

Gvern ġdid Nazzjonalista bija bħala Kap ineħħi din id-diskriminazzjoni, u jara li r-regoli dwar il-pensjoni jkunu japplikaw l-istess għal kulħadd irrelevanti meta twiled.

Robert Abela kien wiegħed li ħa jsolvi din l-inġustizzja però għal ħafna minn dawn il-pensjonanti baqa’ ma għamel xejn. Jien mhux bħal Robert Abela, il-kelma tiegħi nżommha u nwaqqfu din l-inġustizzja darba għal dejjem.

Serħan il-moħħ b’aktar sigurtá

Sfortunatament illum ħafna m’għadhomx iħossuhom moħħom mistrieħ f’darhom u fil-komunità tagħna. Dan nisimgħu ta’ spiss mill-anzjani tagħna, mill-familji u minn dawk li jgħixu waħidhom. Dan mhux aċċettabbli u m’għandniex naċċettawh bħala n-normalitá.

Hi r-responsabiltá ta’ kull gvern li jħares liċ-ċittadini tiegħu u ma jħallix li tirrenja kultura fejn kulħadd iħossu li jista’ jagħmel li jrid. Irridu rħula u bliet fejn inħossuna siguri u ngawdu d-djar tagħna fil-paċi u l-kumditá.

Bija fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista se nara li jsir aktar investiment fil-Korp tal-Pulizija – b’aktar taħriġ, aktar riżorsi u t-teknoloġija meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom. Minflok għamel l-investiment meħtieġ Robert Abela qed jagħlaq l-għases fil-lokalitajiet tagħna, qed iħalli l-irħula tagħna bla pulizija, bla serħan il-moħħ. Sitwazzjoni fejn biex tkellem pulizija trid tmur f’lokalità differenti.

Għalhekk jeħtieġ li fil-komunitajiet tagħna jerġa’ jkun hemm għases li jiffunzjonaw u investiment biex l-anzjani li jagħżlu li jgħixu f’darhom jiġu megħjuna biex ikollhom djarhom aktar siguri.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 18 ta’ Awwissu, 2025.