Lokali Qorti

Raġel arrestat b’rabta ma’ traffikar ta’ droga f’San Ġiljan

Raġel 28 sena mis-Senegal kien arrestat il-Ħadd filgħaxija wara li nstab fil-pussess ta’ diversi tipi ta’ droga waqt ronda tal-Pulizija f’San Ġiljan.

Il-Ħadd għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, żewġ uffiċjali li kienu fuq ronda bil-pass fi Triq San Ġorġ innutaw persuna taġixxi b’mod suspettuż.

Huwa kien imwaqqaf mill-Pulizija u ġie arrestat kif ukoll saret tfittxija fuq il-persuna tiegħu. Fil-but tal-qalziet instabu 8 qratas b’sustanza bajda allegatament kokaina u pirmla suspettata ecstasy.

Minn hemm saru iżjed tfittxijiet fil-basket li kien qed iġorr u nstab ammont ta’ flus kontanti, kif ukoll iżjed sustanzi suspettati droga lesti għat-traffikar, fosthom 50 pakkett ta’ droga suspettata kannabis u 105 pirmli suspettati ecstasy.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Monica Galea li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.