Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li pajjiżu se jinvolvi ruħu fl-impenji għall-garanziji tas-sigurtà lill-Ukrajna bħala parti minn kwalunkwe ftehim għall-paċi bejn l-Ukreni u r-Russja.
Dan meta Washington hu wkoll impenjat biex jaċċerta l-‘livelli sodi ta’ din il-protezzjoni’ bil-għan li l-ftehim jirnexxi għat-tul taż-żmien.
Id-dettalji ħarġu waqt li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jattendi għal-laqgħa kruċjali ma’ Trump fil-White House (f’Washington) ftit jiem biss wara s-summit, f’Alaska, bejn il-President Amerikan u l-President tar-Russja Vladimir Putin.
Għal din il-laqgħa hemm preżenti wkoll il-Mexxejja tal-Ewropa bħala turija ta’ solidarjetà ma’ Zelensky…. Mexxejja li jinkludu lill-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer; il-President Franċiż, Emmanual Macron u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Friedrich Merz.
Madankollu – u waqt li l-laqgħa qed tkompli – l-President Russu Putin għandu jħossu sodisfatt għall-kummenti ta’ Trump li ‘m’hemmx il-bżonn ta’ waqfien mill-ġlied’ bħala kundizzjoni ewlenija għan-negozjati lejn il-konklużjoni tal-gwerra li ilha minn Frar tal-2022.
Dan ukoll meta Putin qed jinsisti biex l-Ukrajna ċċedi kwantità ta’ art lir-Russja – kundizzjoni li Zelensky ma jistax jikkommetti għaliha minħabba li hu kostrett mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżu. Il-pajjiżi Ewropej, sadanittant, jemmnu li dan lanqas m’għandu jsir bi skambju mal-‘garanziji tas-sigurtà vagi’ min-naħa tal-Kremlin.
Il-laqgħa f’Washington qed tkompli…..
//= $special ?>