Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Furjana wieġeb mhux ħati għall-akkużi li hedded lill-eks sieħba tiegħu, li hi wkoll l-omm taż-żewġ ulied minuri tagħhom. Il-każ instema’ fil-Qorti t-Tnejn wara nofsinhar, fejn ir-raġel tressaq mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni, għamel użu ħażin mill-kompjuter, hedded u nsulenta lill-allegata vittma, u li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation.

L-Ispettur Christian Cauchi spjega li l-eks sieħba tal-akkużat ressqet rapport lill-Pulizija wara li rċeviet diversi messaġġi bil-vuċi mingħandu, li allegatament kienu jinkludu theddid serju. Fost l-oħrajn, qalilha li “se nidfnek sitt piedi taħt l-art.”

L-Ispettur iddikkjara li minkejja li għandhom żewġt itfal flimkien, m’hemmx ordni tal-Qorti li tirregola l-aċċess, u għalhekk kienu jiftehmu bejniethom informalment. Fil-16 ta’ Awwissu, kien miftiehem li l-akkużat jiġbor lit-tfal fl-10am, iżda l-mara fakkritu biex imur aktar tard, f’nofsinhar. Dan wassal biex allegatament bagħtilha messaġġi ta’ theddid.

Il-Qorti semgħet ukoll kif anke l-mara se tiġi mixlija, billi allegatament hedditu wkoll. L-Ispettur Cauchi spjega li fl-2023, ir-raġel kien diġà nstab ħati ta’ akkużi simili kontra l-istess mara u kienet inħarġet ordni ta’ protezzjoni, li madanakollu ma ġietx osservata. Huma baqgħu f’relazzjoni sa Lulju 2024, iżda qatt ma informaw lill-Qorti b’dan.

L-Avukat tad-difiża Mario Mifsud talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi l-vittma għadha ma xehditx. Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €6,000. L-akkużat irid jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum u ġiet ukoll imposta ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.

Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt. L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Mario Mifsud deher għall-akkużat.