Melvin Debono magħruf bħala ‘Il-Quws’ inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn li spara arma tan-nar u hedded żewġt irġiel fost oħrajn.
Il-każ seħħ tard il-Ħadd filgħaxija f’Raħal Ġdid, meta Debono ta’ 33 sena minn Raħal Ġdid stess allegatament kif involut f’argument ma’ tliet persuni. Il-Quws kien akkużat ukoll li kkaġuna ħruq b’dannu għal mara, li kien fil-pussess tad-droga kokaina u li kiser fost oħrajn sentenzi tal-Qorti fejn sussegwentament ma segwiex il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella nstema’ kif mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li seħħ argument fir-residenza ta’ Debono hekk kif dan tal-aħħar kellu jingħata €70,000 minn wieħed mill-vittmi.
Jidher li Debono talab lill-vittma biex imur id-dar għandu u sussegwentament malli daħal fir-residenza sab lill-istess akkużat b’arma tan-nar f’idejh fejn dak il-ħin ġew sparati xi tiri.
Flimkien mal-vittma kien hemm sieħbu u t-tfajla ta’ sieħbu – fejn din tal-aħħar allegatament għandha filmat u recording ta’ telefonata bejn il-vittma u Debono. Hawn, il-Quws allegatament jinstema’ jgħid dan il-kliem: “mewt hemm għalik” u li “ħa nimlilek lit-tfal bit-tiri” – evidenza li tinsab f’idejn il-Pulizija.
Intant l-Avukat difensur, Franco Debono, allega li l-akkużat ma nqrawlux id-drittijiet bħal ma hu suppost isir meta tiġi arrestata persuna filwaqt li talab li jiġu msejħa t-tliet pulizija li arrestaw lil Quws biex jispjegaw x’ġara – bil-Maġistrat tilqa’ din it-talba.
Madanakollu fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Mark Mercieca insista li fil-ħin tal-arrest l-akkużat inqrawlu d-drittijiet tiegħu.
Filwaqt li isem il-vittmi ngħataw ordni ta’ protezzjoni għaliex wieħed minnhom għandu tfal minuri, Melvin Debono ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih madanakollu l-Maġistrat ċaħdet it-talba ta’ ħelsien mill-arrest.
Għall-vittmi dehret l-Avukat Francesca Zarb.
//= $special ?>