Kunsilli Lokali Lokali

“Bżonn ta’ aktar infurzar fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna”

“Il-kelma ‘infurzar’ m’għadhiex teżisti fid-dizzjunarju Malti bil-Gvern ta’ Robert Abela ma ħa l-ebda deċiżjoni matul l-aħħar snin illi saħħet il-Kunsilli Lokali.”

Saħqu dan is-Sindki Nazzjonalisti tas-Swieqi u San Pawl il-Baħar Noel Muscat u Ċensu Galea waqt il-programm Xtra li sar it-Tnejn filgħaxija fejn tkellmu dwar il-kriżijiet li qed jaffaċċjaw fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Is-Sindku tas-Swieqi spjega kif ilu s-snin jisħaq fuq il-problemi li qed taffaċċja l-lokalità – problemi li issa tant kibru li laħqu livell ta’ kriżi. Huwa qal illi preżentament is-Swieqi qed taffaċċja kriżi b’rabta mal-iskart u l-istorbju esaġerat f’kull ħin tal-ġurnata.

Noel Muscat sostna li għalkemm m’għandu xejn kontra l-appartamenti li jkunu short let, dan it-tip ta’ negozju għandu jiġi regolarizzat għaliex f’din il-lokalità residenzjali l-problema tal-iskart saret inkontrollabbli; bil-boroż tal-iskart issibhom fuq il-bankini f’kull ħin tal-ġurnata. Dan filwaqt li saħaq fuq il-bżonn li jingħataw multi fil-post bil-għan li jkun hawn aktar dixxiplina – għaliex preżentament il-Pulizija m’għandhomx il-poter li jagħmlu dan.

Minn naħa tiegħu, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Ċensu Galea qal li din il-lokalità ilha snin twal tesperjenza problema tal-iskart. Dan hekk kif issa, fiz-zona hemm 20,000 residenza filmkien ma’ 400 negozju. U allura, dan ifisser li s-soluzzjonijiet biex jissolvew dawn il-problemi mhumiex one size fits all.

Apparti minn hekk, huwa sostna li l-Pulizija flimkien mal-awtoritajiet mhux qed ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-pajjiż għaliex m’hemmx biżżejjed uffiċjali; imma ma’ kull jum li jgħaddi qed jidher aktar evidenti l-bżonn ta’ aktar infurzar.

Dan filwaqt li semma’ l-bżonn li l-infurzar jiżdied immedjatament għaliex ma’ kull sena li tgħaddi l-kriżijiet se jkomplu jikbru.

Intant, iż-żewġ Sindki Nazzjonalisti spjegaw ukoll li l-Gvern ma ħa l-ebda deċiżjoni fl-aħħar snin li tat saħħa lill-Kunsilli Lokali. Iżda minflok il-poteri tal-Kunsilli komplew jonqsu. Dan filwaqt li appellaw għal aktar fondi bil-għan li jkunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-lokalitaijiet kif ukoll tar-residenti.