Lokali

Bżonn urġenti ta’ azzjoni fit-toroq Maltin – Times of Malta

Is-sigurtà fit-toroq tagħna għandha bżonn attenzjoni b’mod mill-aktar urġenti. Dan intqal fl-editorjal tal-ġurnal Times of Malta hekk kif ingħad li vettura użata b’mod negliġenti hija arma letali – b’referenza ċara għad-diversi inċidenti li kellna fl-aħħar ġimgħat, u li ħafna minnhom kienu fatali.

L-editur ikkumpara din is-sitwazzjoni ma’ meta persuna jispara arma tan-nar f’kamra mimlija nies – xenarju fejn xi ħadd, probabbilment, se jkun qiegħed iweġġa’ żgur.

It-Times insistiet li la s-soċjetà dan tafu, hekk ukoll suppost l-investigaturi, il-prosekuturi u l-ġudikatura – flimkien ma’ dawk li jiddeċiedu għalina – partikolarment, u b’mod speċjali, il-polittiċi li qed jirrifjutaw iwettqu li hemm bżonn għaliex jibżgħu li jitilfu xi vot.

L-editur saħaq li hemm bżonn bidla fil-mentalità. Huwa sostna li fl-aħħar snin saru diversi wegħdi li l-fatalitajiet fit-toroq Maltin se jonqsu bin-nofs – bl-awtoritajiet jgħidu li t-toroq tagħna huma siguri meta kkumparati ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn.

Madanakollu, prontament l-editur saħaq li ċ-ċifri huma aktar baxxi għaliex it-traġitt fit-toroq Maltin huma iqsar.

Intqal ukoll li l-istrateġija li nieda l-Labour aktar minn 10 snin ilu ma ħadmitx u ma laħqux l-aspettativi.

Biex dan l-għan jintlaħaq kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu, miċ-ċittadin fit-triq wara l-istirring, sa dawk mexjin fit-toroq.

Fl-editorjal ingħad ukoll li l-etikett bażiku u r-rispett lejn xulxin huma essenzjali; għalkemm ġie preċiżat li l-leġiżlazzjoni hija kurċjali wkoll. U hawn, it-Times qalet li dan huwa l-aktar punt dgħajjef għall-Gvern.