Lokali

Ġimgħa diżastruża għall-media laburista

Dawn l-aħħar jiem ma tantx kienu ta’ suċċess għall-media ta’ Robert Abela, li diġa’ għandha problemi enormi biex tfassal l-iskeda għall-istaġun li jmiss. Aktar u aktar issa, wara li s-Super One waqa’ fit-tielet post fost l-istazzjonijiet l-aktar imfittxija min-nies – u wara li Net News ikkonsolida postu bħala l-aktar stazzjon privat segwit f’pajjiżna.

Illum, il-ġurnalisti tal-One reġgħu spiċċaw irredikolati ma’ kulħadd wara li inqabdu jieħdu l-ordnijiet “minn fuq”. Bil-Kamra tal-Aħbarijiet mhi kuntenta xejn b’din is-sitwazzjoni.

L-aħħar artiklu dwar l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN ġie ippubblikat bil-frażi “TITLE PORTAL” – prova ċara li t-titlu ta’ kull storja qed jiġi iddettat lill-ġurnalisti.

Sorsi minn ġewwa qalulna li hemm ħafna li mhux jifilħu aktar din is-sitwazzjoni. U hemm min qed jara li s-sitwazzjoni marret lura għal żmien Aleander Balzan, meta kien jiddetta l-aġenda kollha – kif kien kixef Neville Gafà.

Oħrajn qalulna li l-artiklu ġie ppubblikat apposta b’dan il-mod biex “minn barra” jkunu jafu b’dak li għaddej fil-kurituri ta’ One TV – tant li t-titlu dam ħin twil sakemm ġie emendat. U eventwalment it-titlu nbidel.

Dan il-każ ma kienx wieħed iżolat, għaliex fil-jum ta’ qabel kien hemm kwistjoni oħra meta One News qalu li mhux se jsiru dibattiti fl-elezzjoni tal-Kap tal-PN – xi ħaġa li b’mod sfaċċat kienet fake news. U wara, kellha tiġi emendata b’artiklu ieħor.

Fl-istess jum il-media laburista qalgħet kritika enormi wara li irrappurtat suwiċidju. U l-artiklu (l-istess bħal dak tal-lum) dam ħin twil qabel ma tneħħa mill-website tal-istazzjon.