Lokali

“Ħames snin wara, u għadna mingħajr data tal-ġuri” – Oħt Chantelle Chetcuti

Fil-jum li suppost kellu jkun ta’ ċelebrazzjoni għal għeluq l-40 sena ta’ Chantelle Chetcuti, il-qraba tagħha għadhom qed jistennew li tingħata data sabiex jibda l-ġuri ħames snin wara li nqatlet.

F’post li kitbet fuq il-midja soċjali, oħt Chantelle, Stacey, spjegat il-frustrazzjoni tal-familja li għadhom qed iġorru ħafna toqol – jistennew sabiex xi darba ssir magħhom wara t-telfa ta’ Chantelle, ħames snin ilu.

Stacey spjegat li proprju id-19 ta’ Awwissu kellha tkun ġurnata li Chantelle tkun imdawra bit-tfal u dawk l-aktar qrib tagħha sabiex tiċċelebra għeluq l-40 sena tagħha.

Chantelle Chetcuti, inqatlet kiesaħ u biered minn missier it-tfal taż-żewġt itfal tagħha, Justin Borg, f’Ħaż Żabbar, lura fit-2 ta’ Frar tal-2020. Borg qed ikun akkużat li qatel lil Chantelle b’sikkina barra l-club tal-football ta’ Ħaż Żabbar meta kienet qed tieħu drink ma’ ħabib tagħha.

Minkejja dan, Justin Borg jinsab barra fuq bail – ħames snin wara li seħħ dan id-delitt.

Stacey Camilleri spjegat li wara dawn is-snin kollha, il-familja tagħha għadha mingħajr data għall-ġuri, u mingħajr ġustizzja għal Chantelle.

Bi Stacey tispjega wkoll li Borg kellu rapport fuq vjolenza domestika proprju sena ilu; iżda minkejja dan għadu ħieles.

Oħt Chantelle spjegat ukoll li kienu bosta d-drabi li hi kkomunikat mal-awtoritajiet iżda xorta waħda l-familja tinsab mingħajr data għall-ġuri. Fejn qalet li dan huwa falliment għas-sigurtà fuq in-nisa kollha u l-familji kollha.

Fil-post taghha hija spjegat li meta l-ġustizzja ddum biex issir, jintbagħat messaġġ li n-nies jistgħu joqtlu u jabbużaw – u s-sistema ta’ pajjiżna ma tiħux azzjoni.