Edukazzjoni Lokali

Ikkanċellat bla avviż il-permess ta’ residenza tagħhom

Ritratt: Times of Malta

L-Aġenzija Identità ikkanċellat il-permessi ta’ residenza għal studenti barranin li kienu qed jistudjaw fl-International European University wara li l-liċenzja tal-Università ġiet revokata aktar kmieni dan ix-xahar.

Mal-ġurnal Times of Malta, diversi studenti rrakkuntaw kif irċivew komunikat mingħand l-Aġenzija ‘Identità’ mingħajr avviż ta’ xejn, li jridu jitilqu minn pajjiżna b’mod immedjat – b’uħud jirrakkuntaw kif snin ta’ studju sfumaw fix-xejn.

Dan hekk kif dawn l-istudenti ma ngħatawx id-dokumenti li juru li qed jattendu għal kors. U allura kaġun ta’ dan ma jistgħux jittrasferixxu għal istituzzjoni edukattiv differenti.

Intqal ukoll li l-istudenti ma ngħataw l-ebda għażla oħra għajr li jitkeċċew mill-pajjiż, minkejja li l-istudenti kienu qegħdin f’pajjiżna sempliċiment biex jistudjaw. Dawn l-istudenti barranin irrakkuntaw ukoll kif nefqu eluf biex ġew f’pajjiżna u studjaw f’din l-università.

Dan apparti li l-istudenti appellaw lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex isib soluzzjoni għal din ir-realtà kerha li qed jaffaċċjaw għaliex bħalissa l-ħolm tagħhom sfuma fix-xejn; bl-Aġenzija ‘Identità’ lanqas tathom l-opportunità li jistudjaw fl-Università ta’ Malta.

Minn naħa l-oħra dawn l-istudenti tal-mediċina qalu li ma jaffordjawx li jistudjaw l-Università ta’ Malta hekk kif għalihom il-kors ikun jiswa’ madwar €26,000.

Ġie spjegat ukoll kif ftit tal-jiem ilu l-istudenti suppost kellhom laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ din l-istituzzjoni privata, iżda qatt ma dehru. Dan wara li l-istudenti kienu ġew notifikati li se jingħataw id-dokumenti meħtieġa biex jittrasferixxu f’Università oħra jew inkella jkomplu l-kors tagħhom online jew fil-kampus li għandhom fl-Ukrajna.

Għaldaqstant, l-International European University qed tappella minn din id-deċiżjoni, bil-għan li tkun tista’ terġa’ topera f’pajjiżna.