Lokali

Il-Kamra tal-Avukati tappella sabiex il-Gvern jirtira l-legal notice b’rabta mal-art agrikola

Il-Kamra tal-Avukati esprimiet tħassib serju dwar ir-regolamenti li nieda l-Gvern għall-art agrikola li tinsab barra z-zona tal-iżvilupp.

Fl-aħħar ġimgħat il-Gvern tal-Labour nieda numru ta’ regolamenti b’rabta mal-art agrikola li tinsab barra mz-zona tal-iżvilupp, li skont il-Ministeru se jassiguraw li r-raba’ jintuża għall-biedja u mhux għal skopijiet rikreattivi.

Il-Kamra tal-Avukati, fi stqarrija spjegat li hemm numru ta’ punti li huma kkonċernati bihom, fosthom il-fatt li dawn ir-regolamenti ġew introdotti permezz ta’ legal notice – mingħajr ebda skrutinju jew diskussjoni fil-Parlament Malti.

Fl-istqarrija, huma spjegaw li ngħata wkoll ħafna diskrezzjoni lill-Aġenzija tar-Riżorsi AgrikoliMalta, hekk kif ma hemm l-ebda proċeduri trasparenti u ċari għall-allokazzjoni ta’ art agrikola rreġistrati taħt din l-aġenzija.

L-avukati spjegaw ukoll li dawn ir-regolamenti jipperikolaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għalhekk kellha ssir diskussjoni pubblika qabel ma nħarġet il-legal notice. Intant, huma esprimew it-tħassib tagħhom ukoll dwar jekk il-Gvern ikkunsidrax artijiet li s-sidien mhux qed jaqblu fuqhom u diżgwid ieħor fost l-oħrajn.

Huwa propju għal dawn ir-raġunijiet varji li l-Kamra tal-Avukati appellat sabiex il-Gvern jirtira din il-legal notice, jew inkella jdewwem il-proċess sabiex din tiġi implimentata sabiex issir konsultazzjoni pubblika kif suppost.