Lokali

Il-komunità Indjana f’Malta tfakkar is-78 sena mill-Indipendenza tal-Indja mir-Renju Unit

... u t-tlugħ fis-sema ta’ Marija Assunta

Is-St. Paul’s Latin Community, għaqda ta’ Indjani bi twemmin Kattoliku, organizzat quddiesa nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Awwissu, festa ta’ Santa Marija, fl-okkażjoni tat-78 anniversarju tal-Indipendenza tal-Indja mir-Renju Unit u t-tlugħ is-sema ta’ Marija Assunta, fis-sala Alleluja, fil-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali f’San Pawl il-Baħar.

Qabel il-quddiesa, li kienet ċelebrata minn Patri Jain, Patri Senet u Patri Delvin, patrijiet Franġiskani Konventwali, il-miġemgħa marret fuq il-Belvedere ħdejn it-Torri Wignacourt fejn Patri Jain għamel kelmtejn tal-okkażjoni u tella’ l-bandiera Indjana mal-arblu waqt il-kant tal-Innu Nazzjonali Indjana.

L-Indja saret stat sovran fil-15 ta’ Awwissu 1947 b’Jawaharlal Nehru bħala l-ewwel Prim Ministru, li stieden lil Earl Mountbatten ta’ Burma jkun il-Gvernatur Ġenerali. L-Indja saret repubblika fis-26 ta’ Jannar 1950 b’Rajendra Prasad bħala l-ewwel President.