Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku Nazzjonalista tal-Mellieħa b’appell sabiex terġa’ tinfetaħ l-Għassa tal-Pulizija

F’ittra mibgħuta lill-Ministru Byron Camilleri, is-Sindku Nazzjonalista tal-Mellieħa Gabriel Micallef appella sabiex b’mod immedjat terġa’ tinfetaħ l-Għassa tal-Pulizija li issa ilha magħluqa għal 5 snin.

F’post fuq il-midja soċjali, is-Sindku spjega li l-Għassa tal-Qawra waħedha ma tistax tlaħħaq mal-Mellieħa, il-Manikata, l-Għadira u Selmun.

U filwaqt li rringrazzja lit-tim tal-Pulizija tal-ħidma tagħhom, huwa qal li mhux biżejjed li jkun hemm uffiċjal wieħed biss idur mal-lokalità. Hawnhekk, is-Sindku saħaq li hemm bżonn mill-inqas karozza stazzjonata fil-Mellieħa biex tkopri z-zona kollha kollha.

Gabriel Micallef spjega wkoll li storbju fir-residenzi, illegalitajiet, inċidenti u traffiku huma problemi ta’ kuljum li ma jistgħux jiġu ndirizzati mingħajr allokazzjoni serja ta’ riżorsi u b’viżjoni ċara.

Is-Sindku tal-Mellieħa qed jittama li l-Ministru Byron Camilleri jisma’ l-karba tal-poplu Mellieħi u jagħti widna għad-diffikultajiet serji li qed jaffaċċjaw ta’ kuljum.