Opinjoni

OPINJONI: Trump jieħu parir?

Putin u Trump iridu l-kunsens ta’ dawk involuti u dan jikkumplika aktar imma jrendi aktar stabbiltà fil-futur. (Ritratt: EPA)

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

F’dawn il-jiem wara li spiċċajt ktieb ieħor ta’ Norberto Bobbio (1909-2004) De Senectute (1996) ġiet din il-mistoqsija quddiemi. Nammetti li kitbietu fittixthom u sa ċertu punt għadni.

Moħħ legali ċar u fl-istess ħin anki gwida fix-xjenza politika. Introdott fl-Università fil-lezzjonijiet tal-Filosofija tad-Dritt. Kien awtur li għandek tistudja flimkien mal-famuż Hans Kelsen (1881-1973). Dan segwejt fil-professjoni mod fil-ħajja politika ieħor.

Fl-1995 kont xtrajt u qrajt iż-żewg edizzjonijiet tiegħu Destra e Sinistra (1994) u wara Eguaglianza e Libertà (1993). Imma l-ktieb li kien f’ħafna importanti u determinanti f’diversi deċiżjonijiet u l-imġiba politika tiegħi jibqa’ Il Futuro della Democrazia, fl-edizzjoni tiegħu tal-1995.

Ħsieb kontinwu

F’dan kollu hemm punti li l-awtur baqa’ jirrifletti fuqhom u kostanti fl-ideat tiegħu. Demokratiku konvint, moderat fil-komportament imma ċert f’dak li kien jemmen u jikteb.

Kitba bbażata l-aktar fuq d-diversi kotba li kien qara u fid-diversi awturi li għallem dwarhom. Attent għal numru ta’ dettalji u vuċi fil-liberal-demokrazija.

Persuna li fl-aħħar għoxrin sena ta  ħajtu propju meta fl-1994 ġie maħtur senatur għal ħajtu mill-President Sandro Pertini (1896-1990) li kellu forma ta’ esperjenza politika. Fil-ktieb li għadni kif qrajt u f’dak li għaddej hemm numru ta’ punti li hu kien għamel li jimmeritaw attenzjoni llum.

Djalogu

L-ispirtu demokratiku tiegħu li nħaddan dejjem aktar huwa bbażat propju fuq dan. Hu jgħid: “Non pretendo di solito di avere l’ultima parola. Non mi piace e non mi da alcuna sodisfazione. Detesto le discussioni che non finiscono mai, unicamente per motivi di prestigio, e non per necessita dialogica. Dopo lo scambio di opinioni cerco di adoperarmi per evitare la rottura e percorrere la via della conciliazione. Alla fine preferisco tendere la mano che voltare le spalle. Lo scopo del dialogo non e’ dimostrare che sei piu’ bravo, ma o raggiungere un accordo o per lo meno chiarirsi reciprocamente le idee.”

(Is-soltu ma nippretendix li jkolli l-aħħar kelma. Ma togħġobniex u ma tagħtini l-ebda sodisfazzjon. Idejquni d-diskussjonijiet li ma jispiċċaw qatt, unikament għal raġunijiet ta’ prestiġju, u mhux għan-neċessità tal-proċess tad-djalogu veru. Wara l-qsim tal-opinjonijiet nipprova naħdem biex ma jkunx hemm ġlied u naqbad it-triq tar-rikonċiljazzjoni. Fl-aħħar nippreferi nieħu b’idejn persuna milli ndawwar spalti. L-iskop tad-djalogu mhux li turi li int aktar bravu, imma li tasal fi ftehim jew almenu tiċċara l-ideat).

Kliem ċar ħafna aktar konfermati meta jżid hekk: “Ho anche fatto esperienza fra sordi, del dialogo in malafede, del finto dialogo in cui uno dei due interlocutori, se non tutti e due, sa gia’ in anticipo dove vuole arrivare, fermamente convinto sin dall’inizio che non dovra retrocedere di un passo dalla posizione iniziale, del dialogo inconludente, ed e’ il caso piu’ frequente, in cui alla fine ciascuno resta della propria idea.”

(Għaddejt ukoll minn proċess ta’ djalogu bejn t-torox, dak in ‘mala fede’, tad-djalogu taparsi, fejn wieħed miż-żewġ interlokuturi, jekk mhux it-tnejn, jaf diġà qabel fejn irid jasal, fermament konvint mill-bidu li ma jridx iċedi pass mill-pożizzjoni inizjali, tad-djalogu li ma jwassal imkien, u huwa dak l-aktar frekwenti, fejn fl-aħħar kull persuna tibqa’ fejn kienet fil-bidu.)

Ovvjament mhux kull djalogu jasal fi tmiemu sewwa imma importanti aktar jekk jasal.

Moderati, estremiżmi

Hemm punt ieħor li laqatni. Jiddikjara f’ħafna kotba fuq dawn l-linji. Jgħid: “Sono un moderato, perche’ sono un convinto seguace dell’antica massima ‘in medio stat virtus’. Con questo non voglio dire che gli estremisti abbiano sempre torto. Non lo voglio dire perche’ affermare che i moderati hanno sempre ragione e gli estremisti sempre torto equivarrebbe a ragionare da estremista.”

(Jien moderat, għax jien segwaċi konvint tal-massima antika fin-nofs tinsab il-virtù. B’dan ma rridx ngħid li l-estremisti għandhom dejjem tort. Ma rridx  ngħid dan għax li tiddikjara li l-moderati għandhom dejjem raġun u l-estremi dejjem tort ifisser li tirraġuna ta’ estremista.)

Fejn għalhekk ovvjament is-soluzzjoni tinsab dejjem f’diskussjoni miftuħa u attenta.

Propju llum

Ktibt dan propju fil-kuntest attwali. Għax għalkemm naf li diversi li jaqraw kitbieti m’għandhomx ħafna simpatija mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump. naħseb li punt waħda għandna nikkonċedu.

Ċertament ġie elett għal numru varji ta’ raġunijiet, kien hemm diversi li ħasbu li kif jieħu l-ħatra l-gwerer se jispiċċaw. Kien hemm il-punt li hu biss kapaċi jasal fi ftehim ma’ Vladimir Putin. Altru dak li tiddikjara fil-kampanja elettorali u kif nafu altru dak li tista’ wara twettaq.

F’dawn is-sitt xhur skorruti smajna diversi dikjarazzjonijiet. Daqqa mod u daqqa ieħor. Daqqa kontra daqqa favur. Imma ftit jiem ilu sar dak li nikkunsidra pass importanti.

Biex tiftieħem

Fil-verità hemm żewġ modi ta’ kif tista’ twaqqaf kunflitt bħal dan ġewwa l-Ukrajna, jew billi tvinċi naħa fuq l-oħra nkella bit-triq aktar kumplikata imma neċessarja ta’ ftehim fid-djalogu.

F’dan Trump qabad dak li wieħed jipprova jasal. Mhux ċertament faċli li ssikket l-armi u ġġib il-paċi madwar il-mejda faċli tibqa’ tiġġieled. Hemm kwantità ta’ raġunijiet għal dan.

Huwa vantaġġuż però kwantità oħra biex jiġi pospost u ma jsirx. Minn xi mkien trid tibda biex tasal. Determinazzjoni u volontà ‘tajba’ biex iseħħ. Biss is-sitwazzjoni li żviluppat hija ferm aktar diffiċli milli ningħataw x’naħsbu.

Propju f’dan naħseb li min għandu saqajh mal-art ma setax jippretendi ftehim immedjat fil-15 ta’ Awwissu f’Anchorage fl-Alaska. Imma nittama li xi ħadd seta’ qara dak li kiteb Bobbio.

Mhux it-Tieni Gwerra

Is-sitwazzjoni nbidlet u din mhix dik tal-aħħar Gwerra Dinija. Mhux biss imma r-realtà hija li r-Russja kienet u għadha forza li għandha riżorsi li ħadd ma għeleb qabel. Veru hemm dgħjufija f’dak li kien qabel imma xorta ħadd ma jista’ jimmagina li se jkun hemm kollass immedjat jew assolut.

Quddiem din il-pożizzjoni hemm alternattiva valida waħda li jinbdew il-proċessi neċessarji biex jingħalaq dan il-kapitlu. B’kull parti involuta hemm tipparteċipa. Putin u Trump iridu l-kunsens ta’ dawk involuti u dan jikkumplika aktar imma jrendi aktar stabbiltà fil-futur. Biex issib punt ta’ qbil dan ma jistax jiġi impost u ħadd ma hu se jaċċetta dak li ma jridx. Kompromessi imma l-iktar triq biex wieħed jibdel dak li għad-deċiżjoni ta’ Putin qiegħed iseħħ.

Fatti, paroli

Għax il-politika hija verament diffiċli u kumplikata meta trid issir bis-serjetà. Mhumiex immaġini sbieħ imma l-abbiltà u l-preparazzjoni biex taffronta dan kollu. Din hija sfida għal Trump li daħal għaliha. Waħda li se timmarkah. Waħda li ma jistax jitlef. Waħda li m’għandniex inkunu kontra imma nsostnu.

Il-paċi fl-Ukrajna mhix faċli biex isseħħ, imma tista’. Nittama li min hu involut jieħu l-pariri t-tajba ta’ Bobbio biex dan il-kunflitt bla sens jieqaf u l-paċi tirrenja lura.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 19 ta’ Awwissu, 2025.