Lokali

“Chris Bonett jinstab ħati ta’ ksur tal-Kodiċi tal-Etika” – PN

Minflok jiskuża ruħu, il-Ministru jippersisti fil-ħażin u jrid jibqa’ jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu; skiet li jtarrax minn Robert Abela

Il-Ministru Chris Bonett qed jagħżel li jibqa’ ma jiskużax ruħu, anzi jippersisti fil-ħażin u jrid jibqa’ jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu, wara li nstab ħati ta’ ksur tal-Kodiċi tal-Etika mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Min-naħa tiegħu, kuntrarju għall-mod kif mexa ma’ Ministri oħrajn, Robert Abela sa issa ma talbux jagħmel apoloġija kif għamlu Miriam Dalli, Silvio Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi li kellhom jiskużaw ruħhom wara li nstabu ħatja li użaw l-għodda tal-Istat għall-propaganda partiġjana.

Bħal dawn, Chris Bonett instab ħati li uża d-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Istat għal stqarrija li fiha għamel allegazzjonijiet dwar il-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ numru ta’ dikjarazzjonijiet partiġjani.

Il-każ kien seħħ f’Lulju meta l-Partit Nazzjonalista kien spjega, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut u Joe Giglio, li Chris Bonett kien naqas mill-wegħdiet u l-miri li kien għamel hu stess aktar kmieni din is-sena fl-istrateġija għat-tnaqqis tat-traffiku u t-tisħiħ tat-trasport f’pajjiżna. Bi tweġiba għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, Bonett kien ħareġ stqarrija permezz tad-DOI li fiha għamel ħafna dikjarazzjonijiet partiġjani u attakki kontra l-PN.

Riżultat ta’ dan, iż-żewġ Shadow Ministers kienu ressqu lment mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika minħabba ksur ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, fosthom li l-Ministru għandu jżomm separat ir-rwol tiegħu ta’ Ministru tal-Istat minn dak ta’ membru ta’ partit politiku, kif ukoll li l-għodda tal-Istat għandhom jintużaw għall-informazzjoni u biex jiġu ppreżentati l-fatti, u mhux għal propaganda partiġjana.

Il-Kummissarju fl-aħħar sigħat bagħat ir-rapport tiegħu lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards biex il-Kumitat jikkunsidrah u jieħu l-passi li jidhirlu xierqa. Il-Kumitat – li ġie msejjaħ għall-ġimgħa d-dieħla – irid jiddeċiedi jekk ir-rapport għandux ikun ippubblikat, imma l-fatt li l-Kummissarju għall-Istandards bagħtu quddiem il-Kumitat ifisser li l-Ministru nstab ħati li kiser il-kodiċi tal-etika, kif fil-fatt ammetta hu stess f’post fuq il-media soċjali aktar kmieni llum.

Quddiem dan kollu, minflok għamel apoloġija, ipprova jiddefendi ruħu fost l-oħrajn billi jgħid li ma għamel xejn ħażin, li ma kiser l-ebda liġi, u li ma wettaq l-ebda offiża, waqt li kompla jattakka lill-Partit Nazzjonalista għal xi ħaġa li nstab ħati għaliha hu. U quddiem dan kollu, skiet li jtarrax mill-Prim Ministru Robert Abela dwar dan il-ksur tal-Kodiċi tal-Etika minn wieħed mill-Ministri ewlenin tiegħu.

Sadanittant, b’sens ta’ korrettezza politika, ix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut – li huwa wkoll membru ta’ dan il-Kumitat Parlamentari – ħabbar li se jkun qed jirrikuża ruħu mid-diskussjoni dwar dan il-każ meta dan jittella’ fil-Kumitat għall-Istandards minħabba li kien wieħed minn dawk li talbu l-investigazzjoni.