Internazzjonali

Franza: Jinvestigaw il-mewta makabra ta’ ‘content provider’ għall-midja soċjali

Il-Pulizija Franċiża qed tinvestiga l-mewta makabra ta’ raġel ta’ 46 sena wara li hu ġibed il-filmati tiegħu innifsu waqt li kien qed ikun suġġett għall-abbuż u vjolenza kontinwa.

Il-filmati xokkanti nġibdu permezz ta’ livestream, bil-prosekuturi jgħidu li r-raġel miet f’residenza  privata fil-villaġġ ta’ Contes, viċin il-belt ta’ Nizza.

Il-vittma, Raphael Graven, kien juża l-psewdonomu Jean Pormanove jew JP għall-materjal li kien jibgħat online. Hu kien bena reputazzjoni għall-filmati li juru avvenimenti ta’ sfida estremi u fejn kellu ‘l fuq minn miljun follower fuq il-midja soċjali.

Qed jingħad, li Graven, waqt il-livestreaming, kien spiċċa mira għall-vjolenza kontinwa għal għaxart ijiem konsekuttivi. Mifhum li hu kien anki spiċċa miċħud mill-irqad tul dawn il-ġranet kollha.

Wieħed mill-filmati li ntbagħtu online, intant, juri grupp ta’ rġiel waqt li qed isawtu lil Graven – b ‘oħrajn jippruvaw jifgawh – xena partikulari anki turi lil Graven mixħut għal mejjet fuq sodda – bil-filmat, imbagħad, jinqata’ ħesrem.