Il-Bank of Valletta ħabbar il-bidu formali tal-Programm ta’ Xiri Lura ta’ Ishma, b’effett mit-18 ta’ Awwissu 2025. Dan huwa tragward sinifikanti għall-Bank hekk kif huwa l-ewwel istituzzjoni ta’ kreditu f’Malta li qed timplimenta skema bħal din, li l-għan tagħha hu li ttejjeb il-likwidità tas-suq u li tkompli tagħti valur lill-azzjonisti.
Il-Bank alloka €7.8 miljun mill-profitti li għamel fl-ewwel nofs ta’ din is-sena bħala riżerva għax-xiri lura ta’ ishma. Il-Programm, li jagħmel parti mill-Qafas li Jsaħħaħ il-Valur tal-Azzjonisti, hu mfassal biex iżid il-likwidità tan-negozjar tal-ishma tal-BOV u joffri alternattiva ta’ bejgħ lill-azzjonisti li jixtiequ li jbigħu l-ishma tagħhom bi prezz tas-suq raġonevoli.
Skont il-qafas approvat, il-Bank hu awtorizzat li jixtri lura sa 3,060,000 sehem fuq il-Borża ta’ Malta fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Il-mekkaniżmu se jiġi attivat f’każijiet fejn l-ishma li jitpoġġew għall-bejgħ jibqgħu ma jiġux akkwistati minn parteċipanti oħra fis-suq. Il-programm jopera fuq bażi volontarja, bil-Bank isaħħaħ is-suq billi jiffaċilita n-negozjar fl-ishma tiegħu.
Iċ-Chief Financial Officer, Kevin Cardona, spjega kif se jaħdem il-Programm ta’ Xiri Lura ta’ Ishma, kif approvat mill-azzjonisti fl-aħħar Laqgħa Annwali Ġenerali, kif ukoll mir-regolatur. Il-Programm hu mfassal b’mod li jtejjeb il-likwidità tas-suq u jipprovdi mekkaniżmu ta’ ħruġ b’ordni lill-azzjonisti li ma jistgħux isibu minn jixtri l-ishma tagħhom fi żmien raġonevoli. “Ix-xiri se jiġi eżegwit b’regoli stretti, bil-prezz li bih jinxtraw l-ishma ma jaqbiżx l-aħħar prezz negozjat b’mod indipendenti jew l-ogħla offerta attwali indipendenti, f’firxa ta’ bejn €1.55 u €2.55 għal kull sehem. L-ishma, li se jinxtraw, mhux se jiġu kkanċellati iżda se jinżammu bħala Treasury Shares, u fil-ġejjieni jistgħu jerġgħu jiġu integrati fl-istruttura kapitali tal-Bank permezz ta’ inizjattivi li jsaħħu l-valur fit-tul tal-azzjonisti. Il-programm huwa amministrat minn policy framework komprensiv li jiżgura l-konformità mar-Regolamenti dwar l-Abbuż tas-Suq, magħruf bħala MAR, it-trasparenza, u t-trattament ekwu tal-azzjonisti kollha.”
Iċ-Chairperson tal-Bank Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia esprimew sodisfazzjon għat-tnedija tal-Programm ta’ Xiri Lura ta’ Ishma. “Permezz ta’ dan il-programm, il-Bank ikompli jestendi l-valur lill-azzjonisti tiegħu. Riċentament introduċejna għadd ta’ inizjattivi, inkluż il-ħruġ ta’ ishma bonus u d-dividend mill-qligħ tal-ewwel nofs tas-sena, li lkoll għandhom l-għan li jippremjaw lill-azzjonisti għall-fiduċja tagħhom fil-Bank. Il-Programm ta’ Xiri Lura ta’ Ishma jkompli jsaħħaħ dan il-għan.” Iċ-Chairperson u l-Kap Eżekuttiv innutaw ukoll li kien hemm interess qawwi fl-ekwità tal-Bank u l-volumi ta’ negozjar żdiedu wkoll b’mod sinifikanti, speċjalment wara l-prestazzjoni finanzjarja pożittiva li l-Grupp BOV irreġistra fl-ewwel sitt xhur tas-sena.
Il-Programm ta’ Xiri Lura tal-Ishma tal-BOV qed jaħdem bi trasparenza sħiħa. Il-Bank se jkun qed jinforma lis-suq bit-tranżazzjonijiet kollha li jsiru skont il-programm permezz ta’ Avviż tal-Kumpanija fuq is-sit tal-Borża ta’ Malta li se jkun aċċessibbli wkoll fuq is-sit tal-Bank fit-taqsima ‘Investor Relations’.
//= $special ?>