Lokali

“Il-ħajja f’Malta tibqa’ ogħla mill-medja tal-UE u taz-zona ewro” – PN

L-ebda passi mill-Gvern biex jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja li qed taffettwa lill-familji u n-negozji

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb bl-aħħar ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li juru kif ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta f’Lulju kienet fil-livell ta’ 2.5% li huwa ogħla mill-medja sew tal-Unjoni Ewropea kif ukoll taz-zona ewro.

Fi stqarrija Ivan Castillo ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, qal li r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja kif imkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur baqgħet fil-livell li kienet ix-xahar ta’ qabel u ma kien irreġistrat l-ebda tnaqqis lanqas meta mqabbel mal-istess perjodu sena ilu. Anzi, imqabbel ma’ Lulju 2024, l-għoli tal-ħajja żdied.

Dan meta l-istess ċifri tal-Eurostat, l-aġenzija tal-istatistika tal-UE, juru li r-rata medja fl-istess xahar fl-Istati Membri tal-UE kienet 2.4% waqt li r-rata għall-pajjiżi li jużaw l-ewro kienet 2.0%.

Filwaqt li pajjiżi oħra Ewropej bħal Franza, il-Ġermanja, Cipru u l-Italja qed iħossu l-benefiċċju ta’ miżuri konkreti kontra l-għoli tal-ħajja, f’pajjiżna l-familji u n-negozji għadhom iġorru l-piżijiet bi gvern li jibqa’ ċass quddiem din il-kriżi u quddiem ir-realtajiet tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Pajjiżi bl-istess sfidi tagħna qed jaraw tnaqqis fir-rata tal-għoli tal-ħajja imma f’Malta, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet ta’ dak li huwa l-aktar essenzjali jibqgħu fost l-aktar li qed jogħlew u l-Maltin jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet dejjem ogħla. Fil-fatt l-istatistika tikkonferma li għal darba oħra l-akbar żidiet kienu reġistrati fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb – partikolarment minħabba żieda fil-prezz tal-laħam – kif ukoll fil-prezzijiet tar-ristoranti u l-lukandi.

Dan qed ikollu effetti negattivi mhux biss fuq il-familji, iżda wkoll fuq setturi ekonomiċi li l-ispejjeż operattivi tagħhom qed ikomplu jogħlew filwaqt li l-qligħ tagħhom jonqos.

Lil hinn miċ-ċifri, din hija r-realtà iebsa ta’ kuljum għal eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin: spejjeż dejjem jiżdiedu, pagi li ma jlaħħqux u Gvern li jagħlaq widnejh għall-inkwiet tan-nies.

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed iressaq proposti konkreti biex jindirizza din il-kriżi – miżuri li magħhom jaqblu l-imsieħba soċjali imma li l-Gvern qed iwarrab fil-ġenb kif għamel meta vvota fil-Parlament kontra l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi indirizzat l-għoli tal-ħajja.

Is-soluzzjonijiet li qed iressaq il-PN jinkludu:

•          It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) biex il-ħaddiema jgawdu miż-żieda kollha,

•          Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn overtime u part-time biex min jaħdem iżjed igawdi iżjed,

•          Tax credits għal min iħaddem biex ma jkollux jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għall-COLA,

•          Fond nazzjonali għall-industrija li timporta jew tesporta biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-akkwist u tat-trasport,

•          Mudell ekonomiku ġdid u sostenibbli, ibbażat fuq setturi ta’ valur miżjud, li joħolqu xogħol ta’ kwalità, b’pagi ogħla u aktar produttività.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem f’isem dawk li llum mhux qed ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja u f’isem in-negozji li għandhom bżonn l-għajnuna. Filwaqt li l-Gvern Laburista jibqa’ indifferenti, il-PN lest li jmexxi l-pajjiż b’direzzjoni ġdida li tipprovdi soluzzjonijiet serji u li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.