Lokali

Il-Ħamis filgħaxija: Alex Borg u Adrian Delia f’dibattitu fuq NET TV

Hekk kif issa l-proċess għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-PN daħal f’fażi importanti, iż-żewġ kandidati se jkunu qed jipparteċipaw f’dibattitu li se jixxandar il-Ħamis filgħaxija fuq Net TV.

Dan il-programm speċjali bis-sehem ta’ Alex Borg u Adrian Delia se jkun qed jitmexxa mill-preżentatur Dione Borg. Id-dibattitu se jsir fid-9:35pm, u huwa parti minn programm estensiv ta’ xandiriet li fihom se jieħdu sehem iż-żewġ kandidati.

L-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN se ssir fis-6 ta’ Settembru; għalkemm qabel hemm żewġ dati oħra tal-early voting.

L-Erbgħa 27 ta’ Awwissu, il-votazzjoni tiftaħ mill-4pm u tibqa’ sejra sad-9pm f’Malta… u mill-4pm sat-8pm f’Ta’ Sannat Għawdex.

Is-Sibt 30 ta’ Awwissu mid-9am sas-7pm f’Malta u mid-9am sal-5pm fis-sub-headquarters f’Ta’ Sannat.

Is-Sibt 6 ta’ Settembru – il-jum propju tal-elezzjoni – se jkun hemm numru ta’ postijiet li fihom se ssir il-votazzjoni.

F’Malta, mid-9am sas-7pm se tkun għaddejja l-votazzjoni fil-każini tal-PN f’Ħal Safi, Ħal Tarxien u l-Imġarr, kif ukoll fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Fis-sub-headquarters tal-PN f’Ta’ Sannat, il-votazzjoni se tkun mifruxa mid-9am sal-5pm.

Kull tesserat li huwa eleġibbli biex jivvota se jkun qed jirċievi ittra mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN.