Lokali

Il-Kamra tal-SMEs tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni fis-settur edukattiv

Il-Kamra tal-SMEs, li tirrappreżenta l-istituzzjonijiet edukattivi privati li għandhom liċenzja mill-MFHEA, fi stqarrija espermiet it-tħassib serju tagħha dwar l-iżviluppi relatati mal-każ tal-International European University, Ukraine Malta Campus.

Filwaqt li s-sitwazzjoni hi waħda xejn xierqa għall-istudenti affettwati, hija wkoll qed tpoġġi dell ikrah fuq ir-reputazzjoni ta’ istituzzjonijiet privati oħra li jaħdmu bla heda biex jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità.

Il-Kamra tal-SMEs qed tisħaq li għandha tittieħed azzjoni immedjata biex jiġu protetti l-interessi tal-istudenti. Il-Gvern għandu jintervjeni sabiex jiżgura li l-istudenti affettwati jingħataw kull tip ta’ sapport possibbli u jiġu megħjuna biex isibu rotot alternattivi sabiex ikun possibbli li jkomplu bl-istudji tagħhom mingħajr aktar tfixkil. Dan huwa essenzjali mhux biss biex jiġu salvagwardjati l-istudenti iżda wkoll biex tinżamm il-kredibbiltà tas-settur tal-edukazzjoni privata f’Malta.

Intant, istituzzjonijiet li qed joperaw b’mod irresponsabbli, irrispettivament mill-istatus tal-liċenzja tagħhom, għandhom jinżammu responsabbli. Il-Kamra tal-SMEs ta’ Malta innotat ukoll li għalkemm il-liċenzja mogħtija kienet waħda temporanja, li kieku l-aspetti kollha tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, li normalment ikunu neċessarji biex tingħata liċenzja permanenti ġew implimentati, din is-sitwazzjoni setgħet ġiet evitata faċilment.

Dan l-inċident jenfasizza l-bżonn li l-awtorità timplimenta struttura bbażata fuq ir-riskju biex tassigura u tivverifika l-istituzzjonijiet. Din l-istruttura għandha tiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli u ddedikati sabiex isir reviżjoni u superviżjoni xierqa fuq dawk l-istituzzjonijiet li jeħtieġu aktar skrutinju.

Il-Kamra tal-SMEs terġa’ tfakkar li l-maġġoranza tal-istituzzjonijiet privati tal-edukazzjoni f’Malta joperaw bi standards għoljin u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-edukazzjoni tal-pajjiż. Is-sitwazzjoni kurrenti m’għandhiex titħalla tagħmel ħsara lir-reputazzjoni miksuba b’tant sagrifiċċju minn dawn l-istituzzjonijiet.