Il-Ministru tat-trasport u traffiku Chris Bonett instab ħati ta’ ksur ta’ etika wara li x-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut u Joe Giglio kienu fetħu lment mal-Kummissarju għall-Istandards rigward każ li fih Bonett kien għamel użu b’mod mhux ġust mill-għodda tal-Istat, f’dan il-każ billi uża d-Dipartiment tal-Informazzjoni għal stqarrija ta’ propaganda partiġjana.
Wara konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-istess shadow ministers fil-bidu ta’ Lulju li għadda, fejn matulha spjegaw kif Chris Bonett qed jonqos mill-wegħdiet u l-miri li kien għamel aktar kmieni din is-sena fl-istrateġija għat-tnaqqis tat-traffiku u t-tisħiħ tat-trasport f’pajjiżna – Bonett kien wieġeb permezz ta’ stqarrija ministerjali.
Fir-risposta, il-Ministru għamel ħafna dikjarazzjonijiet partiġjani u allega li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija iddettata minn terzi. Fiha qal li l-Oppożizzjoni ma kinetx qed tgħid il-verità, imma mkien fl-istqarrija ma qal liema dikjarazzjoni tax-Shadow Ministers ma kinetx vera, u mkien fl-istqarrija ma pprova jikkoreġi xejn minn dak li qalu.
Minnufih sar ilment mid-deputati Nazzjonalisti mal-Kummissarju għall-Istandards fejn fil-fehma tagħhom dawn il-kummenti kienu partiġjani u nveritieri, b’ton tal-kontenut tal-istqarrija li jammontaw għal ksur ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari.
Dan għaliex fost oħrajn il-kodiċi tal-etika jitlob li l-Ministri għandhom iżommu separati r-rwoli tagħhom bħala Ministri u bħala Deputati kif ukoll ir-rwol tagħhom bħala membru ta’ partit politiku, u li l-għodod tal-Gvern għandhom jintużaw biex iwasslu fatti u informazzjoni u mhux propaganda partiġjana.
Illum il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ċertament li huma konxji b’dawn ir-regoli – partikolarment wara li kien hemm tliet każi simili fejn l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Ministri Miriam Dalli u Silvio Schembri kienu lkoll nstabu ħatja ta’ użu ħażin tad-Dipartiment tal-Informazzjoni bl-istess mod, u lkoll kienu għamlu apoloġija lill-Kummissarju u kienu kkommettew ruħhom li joqogħdu iżjed attenti fl-istqarrijiet Ministerjali li jsiru.
Jidher li fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards laqa’ l-ilment u sab lill-Ministru Bonett ħati bi ksur ta’ etika, hekk kif ilbieraħ ir-rapport tal-Kummissarju ntbagħat lill-Kumitat Parlamentari. Filwaqt li r-rapport għadu mhux pubbliku, għax huwa l-Kumitat li issa jrid jiltaqa’ biex jippubblikah, il-fatt li dan intbagħat lill-Kumitat ifisser li l-Kummissarju sab li kien hemm ksur ta’ etika.
Intant, minħabba l-fatt li proprju huwa membru ta’ dan il-kumitat, ix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut ikkonferma ma’ dan l-istazzjon li se jkun qiegħed jirrekuża ruħu mid-diskussjoni dwar dan il-każ peress li jitratta ilment li sar minnu. Dan ifisser li għal kunsiderazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid ikun qed jaħtar sostitut minfloku fil-Kumitat Parlamentari.
//= $special ?>