Lokali

Il-premju nazzjonali tal-arkitettura 2025 issa miftuħ għas-sottomissjonijiet

Il-Kamra tal-Periti nediet uffiċjalment l-edizzjoni tal-2025 tal-Premju Emanuele Luigi Galizia, il-premjijiet nazzjonali tal-arkitettura f’Malta.

Għal din l-okkażjoni, il-President tal-Kamra tal-Periti, André Pizzuto kiteb ittra miftuħa lill-professjoni fejn enfasizza l-ħtieġa li l-periti u l-inġiniera ċivili jadottaw valuri bbażati fuq attenzjoni għad-dettall, sens ta’ dmir ċiviku, u viżjoni olistika ta’ kif il-bini jinsab f’sistemi urbani usa’, ispirati minn Emanuele Luigi Galizia li għalih jissemmew il-premjijiet nazzjonali tal-arkitettura organizzati mill-Kamra – wieħed mill-aktar periti u inġiniera sinifikanti ta’ Malta tas-seklu 19.

The Premju Galizia jirrikonoxxi l-eċċellenza fl-arkitettura, id-disinn urban, l-inġinerija u l-konservazzjoni fil-bini madwar Malta u Għawdex. Fl-ittra tiegħu, Pizzuto ddeskriva l-valuri li jsostnu l-edizzjoni ta’ din is-sena fejn sostna, “Arkitettura tajba mhix biss dwar kunċetti ta’ disinn b’saħħithom, iżda wkoll dwar inġinerija effettiva u soluzzjonijiet metikolużi ta’ dettall, il-forom urbani u l-impatti spazjali, l-istrateġiji sensittivi ta’ konservazzjoni, l-eżekuzzjoni tas-sengħa tax-xogħlijiet, u l-istamina u l-appoġġ finanzjarju tal-klijenti”.

Il-kategoriji tal-premjijiet intgħażlu b’għan li jirriflettu prijoritajiet nazzjonali urġenti. Liema kategoriji jinkludu, l-użu mill-ġdid adattiv ta’ bini eżistenti, densità u akkomodazzjoni, ospitalità, disinn ta’ spazju miftuħ, u proġetti pubbliċi. Il-programm huwa ispirat mill-wirt ta’ Emanuele Luigi Galizia, li l-valuri, ir-rigorożità, l-impenn ċiviku u l-ħsieb sistemiku tiegħu għadhom relevant sal-lum il-ġurnata.

Is-sottomissjonijiet għandhom jinkludu l-lista sħiħa tal-membri tat-tim, bil-kunsens tagħhom. Għal aktar informazzjoni u sottomissjonijiet wieħed għandu jżur is-sit www.premjugalizia.org. Is-sottomissjonijiet se jiġu aċċettati sas-26 ta’ Settembru 2025.