Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin ikomplu fit-triq tar-rebħ u jaċċertaw l-ewwel post fil-grupp

Iż-żgħażagħ Maltin ta' taħt it-18-il sena jibqgħu jagħtuna riżultati mill-aqwa fil-Kampjonati Ewropej ta' taħt it-18-il sena.
Iż-żgħażagħ Maltin ta' taħt it-18-il sena jibqgħu jagħtuna riżultati mill-aqwa fil-Kampjonati Ewropej ta' taħt it-18-il sena.
Kampjonati Ewropej ta' taħt it-18-il sena; Grupp D | Malta 13 Ġeorġja 8

Tkompli l-ġimgħa mill-aqwa għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-18-il sena tal-waterpolo fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-18-il sena fir-Rumanija.

Wara li ż-żgħażagħ Maltin rebħu kontra l-Ukrajna u l-Ġermanja fl-ewwel żewġ partiti ta’ Grupp D, dalgħodu, fl-aħħar partita minn dan il-grupp, il-plejers taħt it-tmexxija ta’ Jonathan Valletta bħala kowċ, għelbu lil Ġeorġja 13-8.

B’hekk Malta temmet il-grupp rispettiv tagħha f-ewwel post bi tliet rebħiet minn tlieta.

Għal darb’oħra kienet wirja mill-aqwa mill-plejers tagħna, fejn fit-tielet sessjoni dawwar l-andament tal-logħba b’erba’ gowls konsekuttivi bla risposta mill-avversarji.

Rebħa li biha t-tim Malti temm fl-ewwel post fi Grupp D, bi tmien punti, bl-avventura fir-Rumanija tkompli u kull dilettant tal-waterpolo domestiku jibqa’ jittama fl-aqwa riżultat possibbli la darba issa aċċertajna post mal-aqwa 12-il pajjiż tal-Ewropa.

Fl-ewwel sessjoni, minn żvantaġġ minimu, kien hemm reazzjoni minn Malta li b’gowls minn Max Lanzon għal 1-1, fil-vantaġġ ta’ żewġ gowls minn Giancarlo Gatt u Jayden Cutajar bis-sessjoni tintemm iżda 3-3.

L-istess andament fit-tieni sessjoni bit-tim Malti minn żvantaġġ ta’ 4-3, gowls minn Sam Engerer, Cassar u Sean Mifsud għalqu s-sessjoni 6–5 għal Malta.

It-tielet sessjoni kienet iddominata għal kollox minn Malta b’gowls minn Sam Engerer, Gatt, Dimech u Enrico Mallia bla risposta mill-Ġeorġja bit-tim Malti jmur 10–5 fil-vantaġġ.

Ir-raba’ sessjoni intemmet 3–3 bit-tim Malti dejjem attent li ma jċedix għar-reazzjoni tat-tim avversarju. Julian Chricop minn penalty u gowls minn Max Lanzon u Luigi Dimech għalqu l-partita għal Malta bl-iskor finali ta’ 13-8.