Jirriżulta li mas-60,000 riservisti se jkunu ingaġġati direttament fis-servizz militari ta’ Iżrael mal-ewwel jiem ta’ Settembru – bil-maġġoranza ta’ dawn it-truppi se jkunu mobilizzati għall-offensiva speċifika fuq il-belt ta’ Gaza
Fil-fatt, it-truppi huma diġà involuti fl-impenji militari qalb iz-zoni ta’ Zeitoun u Jabalia bħala parti mit-tħejjijiet għall-attakk kbir ippjanat. Dan meta l-pjan – approvat diġà mill-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Israel Katz – għandu jitressaq quddiem il-Kabinett tas-Sigurtà Iżraeljan aktar tard din il-ġimgħa.
Mistenni li mijiet tal-eluf tal-Palestinjani residenti fil-belt ta’ Gaza se jkunu mġiegħla jevakwaw mill-inħawi u jirrilokaw fix-xelters lejn in-naħa t’isfel tal-Medda ta’ Gaza. Hu minnu wkoll, intant, li l-pajjiżi alleati ta’ Iżrael, ikkundannaw l-aħħar strateġija aggressiva tal-armata u l-Gvern Iżraeljan immexxi mill-Prim Ministru, Benjamin Netanyahu.
In-Nazzjonijiet Uniti, min-naħa tagħha, wissiet li offensiva oħra fuq skala kbira flimkien mal-mewġa tar-refuġjati sussegwenti għandhom iħallu impatt umanitarju mill-aktar terribbli wara 22 xahar ta’ gwerra.
Iżda Benjamin Netanyahu għadu determinat li jassumi kontroll sħiħ fil-Medda ta’ Gaza, ġimgħat wara li kkrollaw it-taħditiet indiretti mal-Ħamas dwar waqfien mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani minn idejn it-terroristi.
Dan waqt li l-qawwiet Iżraeljani qed jistinkaw lejn it-tieni fażi tal-offensiva mlaqqma ” Operation Gideon’s Chariots” – u fost rapporti li mal-20,000 riservista oħra li kienu ilhom il-ġimgħat fuq ‘standby’ qed jirċievu d-direttivi ġodda relatati mal-impenji militari.
Il-medjaturi reġjonali, issa, qed jippruvaw iwasslu għal ftehim qabel il-bidu tal-offensiva Iżraeljana. Huma ressqu proposta ġdida għal waqfien mill-ġlied, effettiv għal 60 jum, u biex il-Ħamas jeħles, almenu, in-nofs tal-ostaġġi. Il-Ħamas, fil-bidu tal-ġimgħa, qal li kien aċċetta l-proposta, b’Iżrael jibqa’ ma jweġibx b’mod formali.
Sadanittant, l-uffiċjali Iżraeljani insistew li mhux se jaċċettaw aktar forom ta’ ftehim parzjali u qed jinsistu għal ftehim komprensiv li jiggarantixxi l-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani kollha minn Gaza.
//= $special ?>