Is-sitwazzjoni mill-ġdid inbidlet minkejja l-insistenza tal-President Amerikan, Donald Trump, biex Putin u Zelensky jiltaqgħu wiċċ,imb wiċċ u jiddiskutu l-konklużjoni tal-gwerra li ilha għal aktar minn tliet snin u nofs fl-artijiet Ukreni.
L-ispinta lejn din il-laqgħa bilaterali qed issir wara li Trump iltaqa’, jiem ilu, ma’ Putin fl-Alaska – bil-President Amerikan, wara, jilqa’ lil Zelensky u l-Mexxejja tal-Punent f’Washington.
U issa, Trump qed isostni li diffiċli ħafna biex wieħed jirrisolvi l-gwerra fl-Ukrajna’. Fl-istess ħin, il-Mexxej Amerikan wissa dwar il-possibbiltà li Vladimir Putin jista’ mhux tassew interessat li jwaqqaf il-konflitt mal-Ukrajna.
Trump spjega li d-dinja għandha tkun taf eżatt x’għandu f’moħħu Putin fi kwistjoni ta’ ġimgħat – filwaqt li tenna li ‘l-President Russu għandu jiffaċċja l-problemi jekk kemm-il darba hu jibqa’ jwebbes rasu.
Madankollu, l-osservaturi huma xettiċi dwar kemm Putin jista’ jispiċċa taħt pressjoni peress li Trump, wara s-summit tal-Alaska, ma żammx kelmtu biex jimponi s-sanzjonijiet ġodda fuq Moska quddiem l-intransiġenza tal-Kremlin u l-President Russu.
Fl-istess ħin, Trump, issa, qed jissuġġerixxi li jkun aħjar li kieku Zelensky u Putin jiltaqgħu mingħajru’, Dan wara li hu, fil-bidu, kien qed jippromwovi laqgħa trilaterali bejnu u dawn iż-żewġ Mexxejja,
Fil-verità, is-sitwazzjoni qed tinbidel minn ġurnata għall-oħra fil-fatt – u minkejja li Putin, nhar it-Tnejn, informa lil Trump, li mhux kontra l-idea ta’ taħditiet diretti mal-Ukrajna’ – il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, anqas minn 24 siegħa wara, tkellem speċifikament biex itaffi din l-aspettativa.
Fl-aħħar sigħat, intant, kienet qed titħejja laqgħa virtwali bejn il-kapijiet militari tal-Alleanza tan-NATO biex, flimkien, jindirizzaw iċ-ċirkustanzi.
Dan waqt li l-Kap militari Britanniku, l-Ammirall Tony Radakin, kien qed jivvjaġġa lejn l-Istati Uniti għal diskussjonijiet dwar l-istazzjonar ta’ qawwa speċjali tas-sigurtà – magħrufa bħala ‘reassurance force’ – fl-Ukrajna.
L-aħħar rapporti qalu li Vladimir Putin kien issuġġerixxa lil Donald Trump li l-President Zelensky, ‘il quddiem, jista’ jivvjaġġa lejn Moska għal taħditiet. Possibbiltà li l-Ukrajna qatt mhi se tkun disposta biex taċċettaha.
Jista’ jkun ukoll possibbli li r-Russja ressqet bi ħsieb din il-proposta impossibbli għaliex taf li l-Gvern fi Kiev qatt mhu se jirreaġġixxi fl-affermattiv.
Hu minnu wkoll, iżda, li l-President Trump, issa, jidher li qed jifhem aħjar il-fatturi kumplikati tal-gwerra fl-Ukrajna minbarra d-differenzi kbar li jeżistu bejn id-domandi tar-Russja u l-pożizzjoni ta’ Zelensky.
Trump qed jaċċetta wkoll li sfumaw, għalissa, it-tamiet li kellu għal waqfien bikri mill-ġlied fl-Ukrajna u issa jrid li l-Ukreni u r-Russi jieħdu passi diretti lejn ftehim permanenti għall-paċi. Tragward li fih innifsu jibqa’ wieħed diffiċli u kumplikat għall-aħħar.
//= $special ?>