Lokali Qorti

Mekkanik akkużat li seraq vetturi u kkuntattja tat-‘tow truck’ mill-ħabs biex iċaqqlaq karozza

Mekkanik Libjan ta’ 52 sena qed jiffaċċja akkużi serji ta’ serq ta’ diversi vetturi, muturi u tagħmir ieħor, wara li l-Qorti semgħet kif anki wara l-arrest tiegħu pprova jċaqlaq karozza misruqa billi ċempel lil tat- ‘tow truck’ direttament mill-ħabs.

Abdulsalam Salem Benhamed qed jinsisti li mhux ħati li bejn Mejju u Awwissu seraq karozzi, muturi, ġeneratur industrijali u partijiet ta’ vetturi minn diversi lokalitajiet. L-Ispettur Jeffrey Scicluna mill-Major Crimes Unit xehed kif fis-14 ta’ Lulju sid ta’ showroom f’Ħal Qormi innota li kienu neqsin Landrover Defender ta’ €30,000, Toyota Hilux ta’ €20,000, erba’ muturi, sett ta’ tajers u rims, kif ukoll diversi partijiet oħra.

Fil-footage tas-CCTV dehret Toyota Vitz – li kienet inġabret f’Mejju li għadda minn Raħal Ġdid – iddur fl-inħawi u qabel deher raġel isuq id-Defender u ftit sigħat wara l-Hilux. L-istess Vitz kienet insterqet meta l-allegat ħalliel wasal fuq rota, bidlilha l-batterija u telaq biha.

Il-pulizija sabu aktar vetturi fil-Fgura, fosthom Defender, Hilux u vann Samsung li kien ukoll insteraq. Ġew irkuprati wkoll żewġ muturi u ġeneratur industrijali. Skont l-Ispettur Scicluna, Benhamed kien saħansitra ġiegħel forklift jiffunzjona mix-showroom biex jgħabbi l-affarijiet fil-Landrover li mbagħad seraq.

Aktar tard insterqu wkoll Subaru, Mazda Titan u diversi vetturi oħra. Fl-10 ta’ Awwissu, il-Pulizija sabu lil Benhamed rieqed f’karozza oħra misruqa u arrestawh l-għada. Ftit jiem wara l-arrest, il-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar Peugeot Bipper li kien tħalla fil-Mosta.

Meta marru fuq il-post sabu tow truck lest biex iġorr il-vettura. Is-sewwieq qalilhom li kien irċieva telefonata minn numru li aktar tard irriżulta li kien in-numru tal-ħabs ta’ Kordin. Il-mechanic akkużat qallu biex iċaqlaq il-vettura lejn Santa Venera. Il-Pulizija ħallew il-vettura taħt sorveljanza u aktar tard ieħor Libjan deher qrib tagħha, li wkoll qal li kien irċieva telefonata mill-istess ħabs.

Wara li semgħet ix-xhieda kollha, il-Maġistrat Astrid May Grima kkonkludiet li hemm biżżejjed provi biex Benhamed jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Ian Vella, filwaqt li għall-akkużat deher il-prokuratur legali Brian Camilleri f’isem l-avukat Nicholas Mifsud.