Lokali Qorti

Miċħud il-ħelsien mill-arrest fuq akkużi ta’ pussess aggravat ta’ droga

Jake Azzopardi, ta’ 21 sena minn Birżebbuġa u li jinsab bla impjieg, tressaq il-Qorti akkużat b’pussess aggravat ta’ eroina u kokaina, kif ukoll akkużi oħra relatati ma’ ħasil ta’ flus u ksur ta’ kundizzjonijiet legali preċedenti.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Adreana Zammit, talbet għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Debono sostna li l-ammont ta’ droga – madwar 30 pakkett li jammontaw għal 17-il gramma – ma setax jitqies bħala każ serju ta’ traffikar u li anke l-€1,100 flus kontanti misjuba miegħu ma jikkostitwixxux ammont “konsiderevoli”.

Huwa saħaq li f’każijiet simili l-Qorti normalment tindirizza l-akkużati permezz tal-Qorti tad-droga u b’sentenzi ta’ probation aktar milli priġunerija. Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni – immexxija mill-Ispettur Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – oġġezzjonat bil-qawwa għat-talba, u sostniet li l-akkużat kien deher jagħmel kuntatti suspettużi ma’ persuni oħra fil-Gżira qabel l-arrest tiegħu.

Fil-karozza tiegħu nstabu pakketti ta’ kokaina u eroina li ma kinux għall-użu personali, kif ukoll il-flus kontanti f’pouch kannella. L-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li fis-sigħat bikrin tal-20 ta’ Awwissu, jiġifieri kmieni l-Erbgħa filgħodu, għall-ħabta tas-12.40am, fil-Gżira, kienet innutata karozza bix-xufier jagħmel kuntatt ma’ żewġ persuni fi Triq Turu Rizzo. L-akkużat kien qed isuq, u twaqqaf mill-Pulizija li arrestawh. Minn tfittxija fil-kariozza nstabu madwar 30 pakkett bi droga kokaina u flus.

Huwa ġie arrestat fis-12.45am u informa lill-Maġistrat Gabriella Vella fis-6am. Huwa ġie mixli wkoll li saq karozza bla liċenzja u polza tas-sigurtà u li sar reċidiv u li għamel atti ta’ ħasil ta’ flus minħabba li rċieva flus minn attività kriminali u li kien jaf li kiseb propjetà minn attività kriminali.

L-Avukat Franco Debono staqsa lill-prosekuzzjoni: “jekk ngħidlek l-arrest sar qabel xi tgħid? “Il-kollega tagħni din l-informazzjoni u jagħmel sens li ġie arrestat fis-12.45am. wara li kien innutat fil-karozza ħames minuti qabel”, tenna l-Ispettur Mizzi.

Wara li l-Avukat Debono deher mhux konvint li l-Maġistrat Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ fis-6am, id-difiża qalet li mhux qed tikkontesta l-validità tal-arrest, anke jekk b’ċerta kawtela għall-fatt li din ġiet infurmata fis-6am eżatt.

Franco Debono staqsa lill-Prosekuzzjoni jekk hux l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus humiex dwar l-€1,100 li nstabu għand l-akkużat, bl-Ispettur Mizzi jwieġeb fl-affermattiv, id-droga u jgħid ukoll li fuqu kellu ċurkett.

Dr. Debono semma wkoll ġurijiet fejn anke sa minn 200 gramm sa nofs kilo droga ma nstabux ħatja ta’ traffikar jew pusses aggravat. “Biex jaqbad it-triq it-tajba allura nitfgħuh il-ħabs”?, staqsa Dr. Debono. M’għandux jingħata opportunità l-klijent tiegħi?

Il-Maġistrat staqsa dwar l-allegati vittmi. L-Avukat qal li m’għandux akkużi li ttraffika d-droga. “Għadna lanqas nafu jekk hux minnu li kien hemm pusses aggravat. L-istat skont il-liġi anke dawn li jbiegħu biex isostnu l-vizzju tagħhom ukoll jiġu megħjuna. L-istat joffri rimedju biex tagħtihom inċentiva, u jirranġaw ħajjithom”, sostna l-Avukat waqt l-argumenti tiegħu.

Inħarġet ordni ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tal-akkużat bl-Avukat Franco Debono jgħid li dan qed jintalab wara li nstabu biss €1,100. Tenna kemm-il darba li dan ma jagħmilx sens u li l-prosekuzzjoni qed tipprova tqarraq. Dr. Debono qal li qed joġġezzjona fuq l-iffriżar ‘for the record’.

Tenna li ġieli ġiet irtirata l-ordni bil-prosekuzzjoni qalet li mhux se tirtira. Il-Qorti laqgħet it-talba għal ordni ta’ ffriżar. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, qieset il-gravità tal-każ u l-fatt li Azzopardi għandu diversi kundanni preċedenti relatati mad-droga, inkluż waħda reċenti f’April li għadda. Għaldaqstant, irrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat ukoll qbid u ffriżar tal-assi tal-akkużat.