minn Luke Said
Kandidat tal-PN
Tmintax-il sena wara li ġie żvelat pjan ta’ żvilupp, Għawdex għadu mingħajr Qorti modern. U hekk, waħda mit-tliet pilastri tad-demokrazija f’Għawdex qed tiġi amministrata min-nofs il-fortifikazzjoni taċ-Ċittadella, binja b’valur u storika kemm trid, izda binja inaċċessibbli f’sit kompletament mhux adattat għall-bżonnijiet ta’ sistema ġudizzjarja tas-seklu 21.
Bejn l-2007 u l-2008, il-Partit Nazzjonalista kien ippreżenta xi pjanijiet għal Qorti li kellha tinbena fi Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex ġewwa r-Rabat.
Sitt snin wara, fl-2013, il-Partit Laburista ħabbar mill-ġdid il-proġett fl-ewwel baġit tiegħu, b’Anton Refalo, dak iż-żmien il-Ministru għal Għawdex, iwiegħed bini ta’ Qorti ta’ €12-il miljun.
Sal-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat l-applikazzjoni, l-istudji ġeoloġiċi kienu tlestew u d-disinji ġew iffinalizzati. Kollox kien lest biex ix-xogħlijiet jibdew. Iżda fl-2017, taħt id-direzzjoni tal-Ministru għal Ghawdex Justyne Caruana, il-proġett inbidel ta’ taħt fuq bl-iskuża li t-tafal kien se jtellef il-proġett – tafal li kien ilu preżenti u aċċettat mill-ewwel pjan.
Il-Ministru Caruana wegħdet li l-Qorti l-ġdid jinbena fix-Xewkija u jkun lest sal-2022, b’investiment ta’ €5.5 miljun. Iżda mill-2018 sal-2020, il-proġett waqaf kompletament. Imbagħad fl-2020, is-suċċessur tagħha Clint Camilleri warrab il-pjan tax-Xewkija u reġa’ lura għall-bidu bi tfittxija oħra fir-Rabat.
Terġa’ ssir talba għall-proposti
Fit-18 ta’ Novembru 2022, l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti nediet “Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq” (PMC #CSA/PMC/03/2022) bit-titlu ‘Proposta għal Proprjetà jew Art Disponibbli għal Akkwist Dirett fir-Rabat Għawdex, jew fil-Viċinanza tar-Rabat Għawdex biex tiġi Konvertita f’Bini tal-Qorti Moderna’.
Il-proċess intemm fis-6 ta’ Jannar 2023. Sa Ottubru 2024, (21 xahar wara!), il-Ministru tal-Ġustizzja kien għadu qed jisħaq fil-Parlament li “l-proċess għadu għaddej” u li d-dettalji kienu se jingħataw “fil-ħin xieraq.” Ma tridtx tkun għaref biex tintebaħ li ma kien hemm l-ebda deċiżjoni, l-ebda sit, u l-ebda data!
Il-qagħda llum
Sadanittant, il-permess validu tal-2016 għas-sit oriġinali tar-Rabat ser jibqa’ fis-seħħ sal-2027. Illum, fl-2025, l-art ġà ġiet immarkata biex isir parkeġġ fiha!
Wara tnax-il sena ta’ amministrazzjoni Laburista, u tliet Ministri bl-ideat rispettivi tagħhom, għad m’għandna l-ebda post ikkonfermat, l-ebda allokazzjoni tal-baġit, l-ebda skeda ta’ żmien għall-kostruzzjoni, u l-ebda rieda politika. Li hu ċar hu li rajna ħafna ħala ta’ ħin u flejjes
fuq dewmien u bidliet fil-pjanijiet.
U issa?
Ix-xogħol fuq Qorti ġdida għadu ma bediex. Il-faċilitajiet attwali tal-Qorti huma ffullati żżejjed, inaċċessibbli għal persuni b’diffikultaijiet fiżiċi, u ċertament mhux adattati għat-talbiet tas-sistema tal-ġustizzja.
L-Għawdxin mhumiex ċittadini tat-tieni klassi. M’aħniex footnote fl-istorja politika ta’ Malta. Justice delayed is justice denied, u dak li qed jiġri hawn huwa xejn inqas minn disprezz lejn ir-residenti ta’ Għawdex. Il-gvern irid jieqaf jinħeba wara “proċessi li għadhom għaddejjin”, jagħżel sit, jalloka l-fondi, u jibda jibni l-Qorti li wegħedna aktar minn għaxar snin ilu.
Differiment wara ieħor, anke il-bini tal-Qorti jista’ jitħalla jistenna l-ġustizzja sseħħ. Wara kważi għoxrin sena ta’ nuqqasijiet, Għawdex jeħtieġ impenn sod u azzjoni immedjata biex jirċievi l-bini tal-Qorti li ilu wisq li mwiegħed.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 17 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>