minn Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Bħal kull sena niddedika kitba għall-festa li tant inħobbu f’Birkirkara. Din hija l-aktar ġimgħa għażiża għalina f’Birkirkara, il-ġimgħa li fiha niċċelebraw il-festa tal-Imperatriċi Sant’Elena, li għalina hija x-xemx ta’ Awwissu – is-simbolu ta’ kultura u identità unika bi stroja immensa warajha.
Din hija ġimgħa importanti għaliex tiġborna lkoll flimkien – u minkejja r-rivalità sabiħa u ħajja tal-għaqdiet tal-baned li jagħtu l-kulur u l-ħajja lill-festa – il-poplu Karkariż jiċċelebra bil-kbir il-festa li nistennew minn sena għal sena b’entużjażmu u ħeġġa.
Din hija ġimgħa ta’ spirtu ferrieħ, ċelebrattiv imma fuq kollox b’għan reliġjuż. Jekk ninsew il-qofol reliġjuż, allura nkunu tbegħidna wisq mill-għeruq li jsawru din il-festa.
Festa mill-isbaħ
Lill-Karkariżi, għajjarhom b’kollox, imma mhux bil-festa jew bil-vara tant rispetabbli. Il-Festa ta’ Sant’Elena hija festa mill-isbaħ, u dan jixhduh l-eluf kbar li tattira eluf kbar jarawha ħierġa sewwa sew mat-tokki tat-tmienja ta’ filgħodu tal-Ħadd li ġej, hekk kif tixref fuq l-għatba tal-Bażilika f’Birkirkara u ssellem lil Malta bil-ġmiel u l-maestà tagħha.
Din hija xena ta’ tqanqil, ta’ emozzjonijiet immensi. Għalkemm il-ħajja qabdet timmodernizza, u tgħaġġel, huwa privileġġ li għadna nifirħu u niċċelebraw dak li jmur lura mijiet ta’ snin.
Il-festa hija okkażjoni biex nagħti sehmi, bħala politiku u rapppreżentant tan-nies. Jidhirli li hemm sens ta’ konnessjoni bejn il-politika u l-festa tar-raħal, għaliex fil-qalba tagħha l-għaqdiet li jaħdmu u jtellgħu l-festa huma lkoll politiċi b’interessi differenti, imma xorta jaqdu funzjoni bi struttura politika wkoll.
Tajjeb għalhekk, li nagħti l-għajnuna tiegħi, u bħal kull sena, nagħti donazzjoni lill-għaqdiet li jistinkaw qatigħ għal din il-ġimgħa. Mhux faċli tapprezza l-volontarjat, speċjalment jekk ma tarax b’għajnejk u tmiss b’idejk. Dejjem ħadt ħsieb ninvolvi ruħi sewwa, u llum nifhem l-impenn, is-sagrifiċċju u l-imħabba li l-għaqdiet għandhom għall-festa.
Tislima lill-għaqdiet Karkariżi
Minn hawn għalhekk irrid insellem lill-għaqdiet li għandna f’Birkirkara, primarjament is-Soċjetà Filippu Borġia (li tagħmel xogħol kbir minn wara l-kwinti), lill-Għaqda tal-Armar Sant’Elena, lill-membri tal-Kolleġjata, lill-Kumitat tal-Festa, lill-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu – Birkirkara u liż-żewġ għaqdiet tal-banda: Duke of Connaught’s Own Band Club u l-Għaqda Mużikali Sant’Elena A.D. 1919, Birkirkara. Insellem ukoll lis-Soċjetà Mużikali Sant’Antnin A.D. 1983 – B’Kara.
Ringrazzjament imur lill-Prepostu, lill-Kolleġjata, lill-voluntiera u lil kull min b’xi mod jew manjiera jagħti sehmu. Dan kollu jsir għal għan wieħed – biex Birkirkara jkollha festa sabiħa li tpaxxi lill-Karkariżi u lill-eluf kollha li jiġu jsellmu lil Sant’Elena.
* * *
F’din il-kitba llum xtaqt naqsam ftit informazzjoni dwar il-vara titulari ta’ Sant’Elena f’Birkirkara u li hija kapolavur tal-iskultur Malti Salvatore (Salvu) Psaila (1798–1871).
Din l-istatwa, minquxa fl-injam, indurata u mpittra, ġiet ikkummissjonata mill-Kavallier Vincenzo Borg ‘Brared’ fl-1833 u tlestiet fl-1837, wara erba’ snin xogħol metikoluż.
L-istatwa, li ttul madwar 2.25 metri u tiżen aktar minn 256 kilo, turi lil Sant’Elena bħala imperatriċi qed iżżomm is-Salib Imqaddes, bħala tifkira tal-iskoperta tiegħu f’Ġerusalemm. Il-fond u d-dettall fil-libsa huma tipiku tal-istil partikolari ta’ Psaila li ħadem fuq diversi statwi oħrajn.
Matul is-snin sar diversi restawr fuqha, b’mod notevoli fl-1919 minn Francesco Coleiro u fl-1989 minn Michael Camilleri Cauchi.
Il-vara ta’ Sant’Elena tibqa’ xhieda ta’ fidi u arti li jgħaqqdu ġenerazzjonijiet sħaħ. Mhijiex biss statwa, imma qalb ta’ komunità, tradizzjoni u identità Karkariża.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 20 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>