minn Victor Camilleri
Eks Edtur ta’
In-Nazzjon u ll-Mument
■ Patrijott moderat u wieħed mill-ewwel mexxejja tal-moviment Nazzjonalista
■ Iddedika l-karriera politika tiegħu biex il-Maltin imexxu lilhom infushom
■ Difensur b’saħħtu tal-prinċipji kattoliċi li l-Maltin kienu jħaddnu bis-sħiħ
■ Għen biex żewġ formazzjonijiet ‘Nazzjonalisti’ jingħaqdu u jsiru partit wieħed
Illum, l-20 ta’ Awwissu, jaħbat il-100 sena mill-mewt ta’ MONSINJUR IGNAZIO PANZAVECCHIA, li kien mill-bidu nett fil-qalba tal-moviment Nazzjonalista u li saħansitra, kien il-Kap tal-Unione Politica Maltese (UPM), il-partit li fl-1921 rebaħ l-ewwel elezzjoni ġenerali f’Malta – partit li fl-1926 ingħaqad mal-Partito Democratico Nazionalista (PDN) immexxi minn Nerik Mizzi, biex jiffurmaw dak li llum nafuh bħala l-Partit Nazzjonalista.
Monsinjur Panzavecchia twieled fl-Isla fil-21 ta’ Novembru 1855 u mill-ewwel kien wera li kellu sens qawwi ta’ inizjattiva. Ħaddem it-talenti tiegħu l-ewwel b’risq l-Isla u n-nies tagħha u, aktar tard f’ħajtu, daħal fil-qasam politiku biex itejjeb il-qagħda tal-Maltin li dik il-ħabta kienet mgħakksa mill-ħakma kolonjali Ingliża. Dak kien żmien fejn il-membri tal-Kleru setgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika u f’karigi uffiċjali elettivi. Fl-1891 – ta’ 36 sena – hu ntgħażel għall-ewwel darba fil-Kunsill tal-Gvern (jirrappreżenta lill-kleru) u minn dik il-pożizzjoni, kien ħadem ħafna favur it-tisħiħ taż-żwieġ nisrani. Kien, fuq kollox, jaqbeż għad-drittijiet tal-Maltin u favur iċ-ċiviltà Latina u Ewropea f’Malta.
Biex jimbotta aktar lejn il-prinċipju li l-Maltin kellhom jingħataw id-dritt li jiggvernaw lilhom infushom, fl-1910 waqqaf il-Comitato Patriottico. Minn din il-pożizzjoni kellu sehem notevoli fl-Assemblea Nazzjonali li tlaqqgħet fl-1918.
Ta’ 66 sena, Panzavecchia waqqaf il-partit tiegħu bl-isem ta’ Unione Politica Maltese (UPM) li kiseb suċċess immedjat.
It-taħbit tiegħu biex il-poplu Malti jingħata d-dritt li jiddetermina l-futur tiegħu kien ippremjat għaliex fl-ewwel elezzjoni ġenerali bejn il-partiti politiċi Maltin, il-UPM kiseb l-akbar ammont ta’ voti u l-akbar numru ta’ siġġijiet li wasslu għall-ewwel gvern awtonomu ta’ pajjiżna.
Bħala l-aktar membru anzjan tal-kleru fis-Senat, Monsinjur Panzavecchia ntgħażel bħala d-Direttur Spiritwali. Hu kien daħħal l-użanza li tingħad talba fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull seduta tas-Senat.
Għalkemm ħadem ħafna lejn l-għaqda bejn iż-żewġ partiti ‘Nazzjonalisti’ – il-UPM u l-PDN – hu ma laħaqx ra din il-ħolma tiegħu titwettaq għaliex miet fl-1925, sena qabel ma seħħet il-‘fużjoni’ li tat lil Malta l-Partit Nazzjonalista.
IR-REBBIEĦ TAL-EWWEL ELEZZJONI ĠENERALI

Il-membri tal-Assemblea Leġiżlattiva u tas-Senat li kienu eletti wara l-Elezzjoni tal-1921 – mirbuħa mill-UPM ta’ Monsinjur Panzavecchia – f’ritratt wieħed flimkien fil-bitħa tal-Palazz fil-Belt.
Irrinunzja għall-kariga ta’ Prim Ministru ta’ Malta
Monsinjur Ignazio Panzavecchia jista’ jitqies mal-Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista li taw dak kollu li jafu u li setgħu b’risq il-poplu Malti u Għawdxi mingħajr l-ebda pretensjoni u mingħajr interessi personali.
Anzi Panzavecchia jista’ jkun kunsidrat bħala ‘mudell’ ta’ altruwiżmu għaliex mhux talli ma ħa xejn lura personalment mill-karigi li okkupa, talli meta fl-1921 hu, bħala l-Kap tal-Union Politica Malta (UPM), ir-rebbieħ tal-ewwel elezzjoni ġenerali f’Malta, kien indikat mill-Gvernatur Plumer biex isir Prim Ministru hu ma aċċettax l-inkarigu u ssuġġerixxa li Prim Ministru jsir Joseph Howard.
Ma kienx aċċetta din il-kariga għaliex irraġuna li bħala saċerdot ma kellux jidħol għaliha bil-periklu li setgħet issir ħsara lir-Reliġjon. U dan minkejja li dik il-ħabta, pereżempju, l-Awstrija kienet immexxija minn Ignaz Soipel, saċerdot u Kap tal-Partit Soċjal Kristjan.
Mons. Panzavecchia kien beda l-karriera politika tiegħu fl-1880 bil-ħsieb li ssir riforma radikali fil-qasam tal-edukazzjoni u kompla saħħaħ il-fehma u r-rieda politika tiegħu wara massakru li kien seħħ mill-Pulizija fuq Maltin li fis-6 ta’ Mejju 1887 kien marru jipprotestaw quddiem il-Palazz kontra d-dħul ta’ taxxi fuq il-poplu Malti li kien jinsab f’qagħda mwiegħra. Minn hemm ’il quddiem Monsinjur Panzavecchia wettaq diversi ħidmiet bit-twaqqif ta’ formazzjonijiet politiċi kollha intiżi biex jgħaqqu lill-poplu ħalli flimkien ifittxu d-drittijiet tagħhom li tant kienu kalpestati.
Dak li Monsinjur Panzavecchia flimkien ma’ pijunieri oħrajn Nazzjonalisti, wettaq f’dik id-direzzjoni, wassal biex pajjiżna fl-1921 seta’ jibda era ġdida fil-ħajja politika Maltija permezz tal-ewwel Gvern awtonomu.
Għalkemm mhux magħruf u mfakkar biżżejjed, ix-xogħol ta’ Mons. Panzavecchia kien deċiżiv fl-ewwel żminijiet fit-tiswir ta’ moviment Nazzjonalista b’saħħtu biex dan ikompli jiffjorixxi tant li fl-1964 Malta kisbet l-Indipendenza permezz tal-Partit Nazzjonalista.
Midfun fil-Katidral tal-Imdina
Monsinjur Ignazio Panzavecchia miet fl-20 ta’ Awwissu fl-età ta’ 70 sena. Hu kien kostrett jirriżenja mis-Senat ta’ Malta, minħabba saħħtu, fit-22 ta’ Mejju 1925.
Il-funeral tiegħu sar l-għada, fil-katidral tal-Imdina, fejn hu midfun ukoll u fejn hemm lapida li tfakkar il-ħajja tiegħu (ritratt lemin). Hu kien inħatar Kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral fl-1902.
Fis-Senat kienet saret il-kommemorazzjoni ta’ Mons. Panzavecchia li fiha tkellmu membri min-naħat politiċi differenti fosthom mill-President, Massimiliano Debono, u mill-membri l-Prof. Carmelo Mifsud, il-Konti Alfred Caruana Gatto, Alfons Maria Galea, Andrea Pullicino, il-Prof. Carlo Mallia, il-Markiż Paolo Apap Bologna, u l-Kurunell Achille Sammut.
Hu kien ħassu ħażin waqt dibattitu fis-Senat dwar l-edukazzjoni u minn hemm irtira mill-ħajja pubblika. Panzavecchia baqa’ ġeneruż sal-aħħar tant li hu ħalla kollezzjoni numismatika rari ħafna lill-Katidral tal-Imdina, flimkien ma’ manuskritti importanti ta’ xogħlijiet li kienu jappartjenu għall-Kanonku Fortunato Panzavecchia, lingwista u edukatur, u li kien antenat ta’ Mons. Ignazio Panzavecchia.
Ħalla wkoll kollezzjoni ta’ arzelel, kemm lokali kif ukoll barranin, lill-Mużew Nazzjonali ta’ Malta.
Attiv fl-Assemblea Nazzjonali
Ir-rewwixti tas-Sette Giugno seħħew waqt li rappreżentanza ta’ nies minn kull qasam tal-ħajja Maltija kienu qed jiltaqgħu regolarment biex inaqqsu d-differenzi ta’ bejniethom, jippreżentaw front komuni u permezz tal-formalazzjoni ta’ kostituzzjoni denja, jiġġieldu għal drittijiet tagħhom li kienu ilhom mistennija mill-poplu, mingħand il-ħakkiema Britanniċi.
Għalkemm, prattikament, il-popolazzjoni kollha kienet rappreżentata f’dik l-Assemblea Nazzjonali, hu raġonevoli li wieħed jistenna li l-aktar kontributi siewja kienu jsiru minn nies li kellhom, minħabba l-karigi tagħhom, il-polz tal-popli.
Fost dawn kien hemm bla dubju Mons. Panzavecchia li, dwaru l-istoriku Dun Joseph Bezzina jgħidilna li mhux biss ħa sehem fl-Assemblea iżda għen ukoll fit-tfassil ta’ kostituzzjoni liberali li l-Maltin kienu qed jesiġu mingħand l-Ingliżi.
Meta kienet waslet lejn id-deċiżjonijiet finali, l-Assemblea kienet ivvutat dwar żewġ proposti fuq id-drittijiet fundamentali li kellhom ikunu invokati u, dawk preżenti, kienu vvutaw favur il-verżjoni mressqa minn Mons. Panzavecchia.
Panzavecchia kien intgħażel mill-Assemblea Nazzjonali biex ikun membru fil-kumitat biex jiġbor flus għall-familji ta’ dawk li nqatlu jew kienu feruti fis-Sette Giugno 1919.
President ta’ ‘La Vincitrice’
Ignazio Panzavecchia twieled fl-Isla u din ir-rabta baqgħet tispikka prattikament tul ħajtu kollha iżda ċertament l-aktar fejn jidħol l-interess tiegħu f’waħda mis-soċjetajiet mużikali tal-Isla: is-Soċjetà Filarmonica La Vincitrice (Queen’s Own Band Club).
Sehem Mons. Panzavecchia b’risq La Vincitrice kien wieħed effettiv ħafna għaliex għamel is-snin President tas-Soċjetà fi żmien fejn il-baned f’Malta kienu qed jiżviluppaw. L-affarijiet kienu ħafna aktar differenti mil-lum u, taħt Panzavecchia, din il-banda kienet ukoll, sa ċertu punt, pijuniera, bħal meta bdiet tidħol il-Belt Valletta ddoqq fil-pjazza fejn kien hemm Cafè Regina.
Fi żmien il-presidenza ta’ Panzavecchia, il-banda La Vincitrice kisbet il-permess mis-Supretendent tal-Pulizija biex tkun tista’ toħroġ iddoqq fit-toroq tal-Isla. Kien fis-6 ta’ Jannar 1875 li daqqet għall-ewwel darba quddiem folla kbira. Billi ma nqalax inkwiet, f’Ħadd il-Palm tal-istess sena, La Vincitrice tat kunċert bandistiku,.
Meta aktar tard, Monsinjur Panzavecchia daħal fil-kamp politiku hu ma nesiex lis-soċjetà La Vincitrice tant li f’diversi okkażjonijiet organizzati mill-UPM, il-partit immexxi minnu, hu kien jistieden lill-brassband ta’ din is-soċjetà biex iddoqq u tallegra lil dawk preżenti.

Meeting kbir tal-moviment ‘Nazzjonalista’ fil-5 ta’ Mejju 1901 fil-wesgħa ta’ barra Bieb il-Bombi
MILL-MEETINGS POLITIĊI TA’ PANZAVECCHIA
BARRA BIEB IL-BOMBI… “Keċċewna mill-Kunsill iżda xorta se nibqgħu niddefendu lill-poplu”
Wieħed mill-meetings kbar li Mons. Ignazio Panzavecchia qatt indirizza kien dak li sar fil-5 ta’ Mejju 1901 fil-wesgħa ta’ barra Bieb il-Bombi fil-Furjana… meeting li kif kienet l-użanza dak iż-żmien, il-partitarji marru fil-post permezz ta’ karozzini.
Effettivament, Mons. Panzavecchia ma kienx il-kelliem ewlieni għaliex dik il-ħabta l-moviment ‘Nazzjonalista’ kien għadu mmexxi minn Fortunato Mizzi. Anzi, fi kliem Panzavecchia nnifsu, hu kellu jattendi biss biex jisma’ iżda hu ntalab b’akklamazzjoni biex jindirizza lil dik il-folla imponenti.
Mons. Panzavecchia aċċetta s-sejħa tal-partitarji u beda biex qal li minkejja li l-ħakkiema Ingliżi kienu eliminaw lilu u lil saċerdoti oħrajn mill-Kunsill tal-Gvern, huma ma kinux se jabbandunaw lill-poplu. “Jien se nibqa’ dejjem fost il-poplu biex min ifittixni jsibni,” qal Panzavecchia fost ovazzjoni kbira.
Imbagħad Panzavecchia għadda biex jitkellem dwar il-kundizzjoni batuta li fiha kien qed jgħix il-poplu, u sostna li dik kienet politika tal-ħakkiem maħsuba biex ħafna nies jitilqu minn Malta, u b’hekk tkun inqas diffiċli li jmexxu lil pajjizna f’każ ta’ attakk mill-għadu.
“F’każ ta’ imblokk ta’ pajjiżna,” qal Panzavecchia, “l-Ingliżi jkollhom jitimgħu lis-suldati tagħhom u, magħhom, lill-popolazzjoni Maltija għaliex inkella l-poplu jqum kontra tagħhom.”
Il-poplu preżenti rreaġixxa b’applawsi kontinwi għad-diskors ta’ Monsinjur Panzavecchia li fl-appell finali tiegħu, enfasizza li jekk il-poplu tassew ried jgħix ħajja sodisfaċenti, kien jeħtieġlu jingħaqad biex jippreżenta front wieħed quddiem il-proposta tal-Ingliżi lill-Maltin, dik li jemigraw… l-għajta li l-Gvernatur kien qed jirrepeti kull fejn ikun mistieden f’Malta u Għawdex.
Diskors patrijottiku tipikament ta’ Mons. Panzavecchia favur il-poplu kollu, mingħajr distinzjoni.
FIŻ-ŻURRIEQ: Meeting ‘politiku’ partikulari
Meeting partikulari ta’ Mons. Panzavecchia kien dak li sar fiż-Żurrieq fit-30 ta’ Settembru 1921… ftit jiem biss qabel l-ewwel Elezzjoni Ġenerali f’Malta kemm għall-Assemblea Leġiżlattiva, kif ukoll għas-Senat. Skont il-ktieb tal-okkorrrenzi fl-Għassa tal-Puliżija, dan kien l-uniku wieħed li sar fiż-Żurrieq f’dik il-kampanja elettorali.
Li hemm partikolarment interessanti dwar dan ir-rapport awtentiku tal-Pulizija hu li dan il-meeting sar fid-dar ta’ Rev. Emm Mifsud, l-Arċipriet taż-Żurrieq, f’Nru 8, Piazza Maggiore.
Dettall ieħor kurjuż hu li f’dan ir-rapport il-Pulizija mhux sempliċiment semmiet kemm taħseb li kienet kbira l-attendenza, iżda semmiet l-ismijiet ta’ dawk kollha preżenti li – mingħajr sorpriżi – kienu kollha saċerdoti.
F’dik l-elezzjoni, is-saċerdoti kollha kellhom id-dritt li jivvutaw kif ukoll li jikkontestaw. Tant hu hekk li n-numru ta’ saċerdoti kienu kandidati għas-Senat. B’kollox kien hemm erba’ saċerdoti li kkontestaw fosthom Mons. Panzavecchia, Kap tal-Unione Politica Maltese (UPM), u Mons. Mikiel Gonzi, mal-Partit Laburista. It-tnejn kienu eletti: Panzavecchia kiseb 487 vot, u Gonzi 127 vot.
IL-MOSTA…spiċċaw bil-banda!
Mons. Panzavecchia kien ilu sew fix-xena politika, anki qabel ma kienet iffurmata l-Unione Politica Maltese (UPM). Kien jitkellem f’meetings pubbliċi ta’ dik il-ħabta.
Wieħed minn dawn il-meetings kien sar fit-12 ta’ Diċembru 1895… kienet għadha kif għaddiet elezzjoni għall-Kunsill tal-Gvern iżda l-borma kienet għadha tbaqbaq. Għal din il-meeting fil-Mosta l-kelliema kellhom ikunu Sigismondo Savona, Monsinjur Panzavecchia, u Cesare Darmanin.
Minn rapport tal-Pulizija jirriżulta li dawn il-kelliema marru fid-dar ta’ ċertu Salvatore Micallef jistennew li tispiċċa l-funzjoni fir-Rotunda tal-Mosta. Kif spiċċat ħarġu madwar 300 ruħ mill-knisja u ngħata bidu għall-meeting proprju b’diskors ta’ Panzavecchia.
Fi tmiem il-meeting inqala’ l-ġlied meta raġel li saq iż-żiemel bil-karettun fil-pjazza u beda jgħajjat. Il-Mostin ħasbu li kien qed jinsulentahom, ġrew warajh, u tawh xebgħa.
Wara dak il-meeting il-Pulizija bdiet tesiġi li biex isir meeting ried jintalab – u joħroġ – permess mingħandhom.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 20 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>